Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana għamlet żjara uffiċjali fuq il-cruiseliner lussuż Seabourn Encore li żar il-gżira ta’ Għawdex nhar is-Sibt 29 ta’ Lulju 2017.
Il-cruiseliner Seaborn Encore, li jbaħħar taħt il-bandiera tal-Baħamas, żar lill-gżira ta’ Għawdex għall-ewwel darba nhar is-Sibt. Il-vapur, li hu taħt il-kmand tal-Kaptan Mark Dexter, għandu tunellaġġ ta’ 40,000 u jesa’ 600 passiġġier, u għamel l-ewwel vjaġġ tiegħu f’Jannar tal-2017.
Fl-intervent tagħha, il-Ministru għal Għawdex qalet li s-settur tal-cruiseliners hu niċċa importanti fis-settur turistiku Għawdxi speċjalment fil-qasam tal-infrastruttura, fejn f’dan ir-rigward irid isir proċess sħiħ ta’ ħidma biex jintlaħqu l-aspettativi tal-viżitaturi li jżuru l-gżira Għawdxija permezz tal-cruiseliners.
Il-Ministru Caruana saħqet fuq l-importanza strateġika li joffri Għawdex f’dan is-settur partikolari, u kif il-Gvern qed jaħdem fuq inizjattivi ġodda sabiex jiġu attirati aktar turisti ta’ kwalità, u kif dawn il-viżitaturi għandhom jingħataw trattament mill-aħjar fil-ftit sigħat li jżuru lil Għawdex, sabiex jibqalhom impressjoni tajba ta’gżiritna u jmexxu l-kelma ma’ oħrajn.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kkonkludiet billi qalet li l-vapuri li jżuru lil Għawdex, bħal dan il-vapur, huma opportunità sabiex is-sbuħija naturali u l-patrimonju rikk li toffri gżiritna jiġu esposti bl-aqwa mod possibbli mall-erbat irjieħ tad-dinja.
L-aġenti ta’ dan il-cruiseliner qalu li d-deciżjoni li Seabourn Encore jiġi Għawdex fil-bidu tal-istaġun tiegħu huwa sinjal ċar li din il-kumpanija temmen bis-sħiħ fil-prodott turistiku Għawdxi.