Baqa’ għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol fil-kamp sportiv minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-imxija tal-Coronavirus.
Fil-kumpless sportiv Kottonera qed isir kamra għall-konferenzi ġdida, rinovar tal-kamra tal-Ġinnastika, rinovar ta’ uffiċini, bini ta’ imħażen ġodda u ‘dressing rooms’ ġodda.
Għaddej xogħol ukoll fuq il-pixxina u manutenzjoni ġenerali tal-post fuq il-kumpless sportiv ta’ Ħal Kirkop. Fuq il-kumpless sportiv tal-Marsa ukoll għaddej xogħol ta’ rinovar fuq il-bini u xogħol fuq faċiltatijiet ġodda tal-boċċi u tiġdid fuq il-faċilitajiet tan-netball.
Għaddej ukoll xogħol fuq ix-shooting range f’Ta Kandja u l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar saħaq li f’dan iż-żmien qed isiru bosta laqgħat mal-għaqdiet u klabbs reġistrati.
Huwa spjega: “Qed isiru meetings mal-Ministeru tal-Finanzi b’mod partikolari u mal-ministeru tas-saħħa biex l-iskemi li diġa qed nagħmlu biex ngħinu lill-atleti inkomplu nżiduhom. Fosthom, dawk li jiġu revokati ċ-ċnus li jħallsu l-għaqdiet sportivi u anke biex il-faċilitajiet sportivi ta’ Sport Malta fis-sena 2020 ikunu b’xejn għall-għaqdiet sportivi biex inkompli nsaħħu iktar finanzjarjament il-klabbs tagħna.”
Il-Maniġer tal-faċiltajiet ta’ Sport Malta, Sinclair Cassar spjega kif Sport Malta ħadet l-opportunitá biex isir ir-rinovar fil-faċilitajiet kollha ta’ Sport Malta.
Huwa stqarr: “Sport Malta ħa l-opportunitá biex waqt dan iż-żmien fejn il-kumplessi kienu magħluqin ra x’hemm bżonn bħala rinovar u għamel ħafna xogħol ta’ manutenzjoni f’dak li ngħidu ma nkunux nistgħu nagħmluh ta’ kontinwu u bħalissa qed issir ir-rinovazzjoni tal-kumplessi kollha.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-isport, Clifton Grima stqarr kif bħalissa għaddejjin ukoll diskussjonijiet sabiex isiru klassifikazzjonijiet ta’ diversi sports skond ir-riskju li hemm ta’ trasmissjoni.
L-Onor. Grima sostna: “Biżżejjed wieħed jgħid li għaddejjin b’disku_ssjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex wieħed ikun jista’ jagħmel klassifikazzjonijiet varji ta’ diversi sports illi huma individwali, dawk li huma team sports u sports li huma ta’ kuntatt.”