Matul din il-ġimgħa żdiedet it-tensjoni f’Pariġi wara akkużi ta’ atti brutali mill-pulizija u razziżmu waqt il-pandemija tal-COVID-19. Filmati mxerrda fuq il-midja soċjali juru karozzi u laned taż-żibel jingħataw in-nar filwaqt li dimostranti jgaraw sufarelli mixgħulin fit-toroq bil-pulizija jipprovaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Il-lockdown fi Franza li ilha ‘l fuq minn xahar qed ikollha konsegwenzi diversi fuq sezzjonijiet differenti tas-soċjetà, l-aktar fuq dawk li jgħixu f’żoni foqra u b’popolazzjoni aktar densa. Il-Coronavirus kompla jkabbar l-inugwaljanzi soċjali.
Intant, kontroversja oħra hija li uħud mir-residenti sinjuri fir-Riverja Franċiża kellhom aċċess għal testijiet tal-antibodies. Dan jikkuntrasta bil-kbir hekk kif l-imxija tal-coronavirus qed iħalli tensjoni fuq l-isptarijiet u d-djar tal-anzjani fi Franza.