Nhar is-16 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet, Henna Cachia ta’ 17-il sena ngħatat l-aħbar li għandha marda rari fid-demm, l-aplastic anemia, u li għalhekk hija għandha bżonn trapjant tal-mudullun li għalih trid titla’ l-Ingilterra.
Omm Henna, Sharon spjegatilna kif ħut it-tfajla għamlu testijiet biex jaraw humiex eleġibbli li jkunu huma li jgħinu lil oħthom, iżda ċ-ċelloli ma qablux. Henna ilha ħames xhur torqod u tqum l-isptar tistenna li ssib donatur għaliha minn madwar id-dinja.
Il-ġimgħa l-oħra Henna ingħatat aħbar li kienet ilha tistenna, iżda spiċċat ferħa bla temma.
“Konna ferħanin għax il-ġimgħa l-oħra sibna, l-għada stess imbgħad ġara li ġew jgħidulna li biex ninsew kollox, ma tistax titla’ l-Ingliterra Henna
L-imxija tal-coronavirus tfisser li Henna ma tistax titla’ l-Ingilterra u tagħmel it-trapjant.
“Peress li għandi l-imune system baxxa, Alla ħares qatt jaqbadni l-virus jien għandi riskju kbir li mmut. Mhux riskju, mmut żgur għax ma għandix ċelloli bojod x’jiġġildu”
Sadanittant, it-tobba Maltin se jkunu qed jibdew trattament artifiċjali fuq Henna. Dan se jingħatalha sakemm il-pandemija tkun ikontrollata u Henna tkun tista’ ssifer l-Ingilterra għat-trappjant li jsalvalha ħajjitha.
Henna u Sharon appellaw lil dawk kollha li jħossuhom f’saħħithom biex xorta waħda joqogħdu attenti u jsegwu kull appell li qed jingħata mill-awtoritajiet tas-saħħa.
“Kunu naqra aktar attenti” qalet Henna.
Filwaqt li ommha tenniet biex “Ma noqogħdux neħduha for granted. Forsi jekk taqbadni jien ma jiġrili xejn u forsi hemm nies aktar vulnerabbli, nieħdu aktar responsabbiltà għal ħaddieħor”