Bernard Grech żelaq fin-niexef fid-dokument tal-costings li ħareġ fl-aħħar jumejn tal-kampanja elettorali fejn diġà tefgħu l-vot tagħhom eluf ta’ persuni.
Fost l-oħrajn Bernard Grech saħansitra żbalja fi stima li ta għat-tkabbir fil-prodott domestiku gross għas-sena li għaddiet fejn tenna li dan kien ta’ 5.9%.
Dan għalkemm fil-bidu ta’ dan ix-xahar, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera kif is-sena l-oħra, fil-fatt l-ekonomija kibret b’9.4%, 3.5% iżjed minn dak imniżżel fid-dokument tal-Partit Nazzjonalista.
Dan ifisser li l-istimi ekonomiċi tal-Partit Nazzjonalista huma bbażati fuq valur inizjali li huwa żbaljat totalment.
Dan filwaqt li anke dwar figuri li huma diġà magħrufa pubblikament, Bernard Grech kien żbaljat.
L-istess costings fid-dokument il-ġdid jidher biċ-ċar li ma jreġux hekk kif filwaqt li tul il-kampanja huwa reħielha jwiegħed bosta affarijiet bħal estensjoni tal-Port tal-Imġarr permezz ta’ reklamazzjoni tal-art, skejjel u sptarijiet u vapuri ġodda għal Għawdex, l-infiq totali qed jgħid li ser ikun ta’ wieħed punt disgħa biljun ewro.
Dan meta t-trackless tram innifsu Grech stess stmah li ser jiswa tnejn punt tmienja biljun ewro.
Dan ifisser li din l-istima tal-ispiża lokali lanqas biss tkopri l-proġett tat-tramm kollu.
Hawnhekk id-dokument tal-costings stess jitfa’ dubji fuq kemm il-Partit Nazzjonalista huwa ċert bil-proġett tat-trackless tram hekk kif l-istess dokument ġdid f’paġna 23 juri kif saħansitra l-Partit Nazzjonalista għadu m’għamilx studju dwar kemm dan il-proġett huwa fattibbli.
Bis-suppost viżjoni ta’ Bernard Grech tiswa sitt biljun ewro u bid-dħul tal-Gvern stmat li ser jiżdied bi €2.7 biljun, id-dejn nazzjonali taħt Gvern Nazzjonalista ser jiżdied bi tliet biljun ewro fuq ħames snin.
Din hija garanzija ċerta li taħt Gvern Nazzjonalista s-suppost viżjoni ta’ Bernard Grech titfa’ lill-pajjiżna lura fejn kien taħt Gonzi PN, fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.