Il-Coronavirus wera biċ-ċar u enfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi jiffukaw fuq l-industriji diġitali u t-teknoloġiji emerġenti biex ifasslu ekonomiji sostenibbli.
Il-Ministru responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli Carmelo Abela saħaq fuq dan il-punt f’laqgħa diġitali dwar il-Politika għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-OECD.
Il-Ministru saħaq fuq il-bżonn li dawn it-teknoloġiji jiġu xprunati mhux biss fid-dinja tan-negozju imma wkoll fi ħdan il-Gvern u fil-ħajja soċjali ta’ kuljum.
Spjega li l-pajjiżi jridu jħarsu ’l quddiem lejn metodi innovattivi biex jindirizzaw setturi ekonomiċi ġodda għal wara l-imxija tal-Coronavirus.
Il-Ministru Carmelo Abela semma l-fatt li Malta, anki jekk pajjiż żgħir b’riżorsi limitati, għarfet il-potenzjal tal-investiment teknoloġiku fis-setturi differenti u ilha tinvesti fl-aġenda diġitali għal numru ta’ snin.
Huwa stqarr: “Hemm bżonn li naħsbu aktar fuq ekonomija b’mod differenti u ċertament li l-ekonomija diġitali tista’ tagħtina dan il-vantaġġ li aħna naħsbu dwar kif l-ekonomija tagħna tista’ anki tieħu xejra differenti permezz tat-tħaddim ta’ aktar teknoloġiji biex ikollna ekonomija li tkun ibbażata fuq l-ekonomija diġitali.”