Fi stqarrija l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li matul il-lejl tal-20 ta’ Marzu 2020, il-“Coronavirus” ħadet il-ħajja ta’ ħabib kbira tal-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin u L-FKNK – l-Avukat Giovanni Bana. L-Avukat Bana miet ġo sptar ta’ Milan ta’ l-eta ta’ 82 sena.
L-istqarrija żiedet tgħid li fl-1977, l-Avukat Bana kien wieħed mill-fundaturi tal-FACE, ex-President tal-FACE, ex-Viċi President tal-FACE u President Onorarju tal-FACE. Kien ukoll President Onorarju Ta’ “ANUU Migratoristi” u ta’ AECT (Assoċjazzjoni tal-Kaċċa Tradizjonali fl-Ewropa), ta’ liema assoċjazzjoni kien ukoll fundatur, u ex-Kap tad-Delegazzjoni Taljana ta’ CIC . Il-FKNK ilha membru tal-FACE mill-1987, ta’ CIC mill-1989 u fundatur u membru tal-AECT mill-1995.
Giovanni Bana kien difensur qawwi tal-kaċċa sostenibbli fl-Ewropa, kaċċatur u ornitologu ħerqan ħafna u champion tal-kaċċa u konservazzjoni tal-għasafar migratorji fil-Mediterran. Dawk kollha li kienu jafuh dejjem stagħġbu bl-enerġija tiegħu. Xhieda għal dan kienet il-ħila tiegħu li jiddedika ħin għall-prattika tal-liġi tiegħu, l-osservatorju tal-għasafar Arosio f’Como, u l-Fondazzjoni Ewropea “Il Nibbio” fost oħrajn. Iddedika ħafna mill-ħin u l-ħiliet siewja tiegħu għad-difiża u l-promozzjoni tal-kaċċa fl-Ewropa għal aktar minn 40 sena, li dejjem wettaq b’tant entużjażmu u rieda qawwija.
Meta l-FKNK kienet applikat biex tissieħeb mall-FACE fl-1987, l-Avukat Bana kien strumentali biex l-applikazzjoni tal-FKNK ġiet approvata. Hu żar il-Gżejjer Maltin diversi drabi. L-ewwel darba fl-1990, fil-pożizzjoni ta’ President tal-FACE, u waqt it-tieni żjara tiegħu fl-1992, kien inawgura l-uffiċini tal-FKNK fl-iMsida. Tul dan iż-żmien kollhu, l-FKNK dejjem sabitu ta’ spalla kull darba li kellna bżonn u fuq livell personali kien persuna li dejjem emmen fina u dejjem offra pariri siewja minn qalbu. Giovanni, int tibqa’ dejjem tgħix ġo qalbna.
L-FKNK bagħtu l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familja u l-ħbieb tiegħu.