L-imxija tal-Coronavirus se tnaqqas ir-ritmu li bih l-ekonomija Maltija kienet se tikber matul l-2020 iżda xorta se jkun erba’ darbiet iktar mir-rata Ewropea.
Qalet dan l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Standard & Poors li fl-analiżi tagħha tal-ekonomija Maltija rrevediet ix-xenarju għal pajjiżna għal stabbli.
Fil-fatt l-aġenzija qed tistma li t-tkabbir ekonomiku għal din is-sena jkun dak ta’ 2% meta mqabbel ma’ 4.4% is-sena li għaddiet.
Semmiet li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’pajjiżi oħra li Malta tagħmel negozju magħhom huwa fattur importanti. Fil-fatt Standard and Poors qalet li fiż-żona Ewro it-tkabbir se jkun rivedut għal 0.5% mill-1% li kien imbassar sa issa minħabba l-effetti tal-imxija tal-virus.
Dan se jwassal għal tnaqqis iktar milli mistenni fiż-żona ewro li f’pajjiżna se jirrifletti negattiv minħabba li l-ekonomija tagħna hija żgħira, miftuħa u ddominata minn setturi bħat-turiżmu.
Intant l-aġenzija awtorevoli nnotat l-isforzi ta’ pajjiżna sabiex isaħħaħ l-istandards superviżorji, fosthom it-tisħiħ fl-aġenzija kontra l-ħasil ta’ flus l-FIAU u l-Awtorita Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.
Fuq nota pożittiva Standard and Poors innotat id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija.
Filwaqt li kompliet tiżviluppa setturi tradizzjonali bħal manifattura u s-servizzi finanzjarji, Malta investiet fit-tkabbir tal-qasam turistiku u f’setturi ġodda bħal-loġistika u d-divertiment.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-esperti internazzjonali xorta qed ibassru li pajjiżna se jikber b’erba’ darbiet iktar mir-rata medja Ewropea.
Qal li skont Standard and Poors, ir-rata ta’ tkabbir is-sena d-dieħla mistennija kważi tirdoppja għal 3.7% u tibqa f’livelli simili fis-snin ta’ wara. Innota li r-rapport jgħid li minkejja s-sitwazzjoni globali, mhux mistenni jkun hemm xi żieda fil-qgħad f’pajjiżna u skont l-esperti internazzjonali, din ir-rata ser tibqa l-inqas osservata fl-istorja ta’ pajjiżna.