Fis-salott ta’ daru, Raymond Sant jinsab jinnamra mal-mużika waqt li qed iqatta’ l-ħin id-dar. L-imxija tal-coronavirus tatu l-ħin kollu tad-dinja sabiex idoqq id-diversi strumenti li għandu u jħażżeż il-melodiji.
Lill-assistent surmast tal-banda San Nikola fis-Siġġiewi, il-coronavirus ma waqfux milli jgħallem it-teorija tal-mużika lil diversi aljievi żgħar, permezz ta’ programm teknoloġiku u noti li kiteb u rranġa huwa stess.
Is-Sur Sant spjega: “Konna rrankajna, konna qbadna r-ritmu, għandna żewġ gruppi tajbin, u ovjament bdejna naraw x’inhu jiġri fl-iskejjel u ħadna l-idea minn hemm naturalment, u bdejna b’dan il-mod. Fil-fatt jien indunajt li għalkemm xi ħaġa ġdida għat-tfal jidhru li huma entużjasti u jafu jġibu ruħhom qishom fi klassi virtwali.”
Stqarr li qed jinnota li l-ġenituri bdew jinvolvu ruħhom iżjed fit-tagħlim tal-mużika tat-tfal tagħhom.
Is-Sur Sant sostna: “Tant li jien bdejt ninnota, li jkun hemm pereżempju għaddejjin il-ġenituri minn warajhom, allura huma jridu joqgħodu naqra attenti mill-ġenituri biex jobdu, mhux hekk? Iridu jaraw il-lezzjoni jiġifieri, u anke l-ġenituri, jien naħseb li waqt li nkun qed ngħid xi ħaġa jien żgur li tolqothom xi ħaġa, jiġifieri l-proġett is-sistema jiena għoġbitni.”
Filwaqt li din l-imxija tatu iżjed ħin għall-mużika, ġabitlu wkoll diżappunt għall-fatt li lejn l-aħħar ta’ Ġunju, mhux ser ikun jista’ jgawdi l-festa tal-patrun San Nikola, u qal li l-preparamenti kellhom jieqfu ħesrem.
Huwa stqarr: “Konna bdejna jiġifieri, programm tal-banda mas-surmast u bandisti, issa f’daqqa waħda inqala’ li nqala’, din l-imxijja, Ovjament għandna diżappunt. Iddiżappuntanti, imma m’hemmx x’tagħmel, ningħaqdu mal-maltin kollha u nimxu mad-direttivi tas-saħħa.”
Lil Raymond ħallejnieh jgħallem fis-salott tad-dar tiegħu, bil-ħitan min jaf kemm iridu jisimgħu marċi u noti fuq l-istrumenti li għandu. Madankollu, bid-diżappunt li se jkollu jistenna sena oħra sakemm ikun jista’ jismagħhom jindaqqu mill-banda, waqt li jidderiġi fuq il-planċier.