L-imxija tal-Coronavirus ma waqqfitx il-ħidma tal-Gvern.
Meta tkellem dwar ix-xogħol infrastrutturali li sar fl-aħħar jiem, fosthom it-tlestija tal-proġett fir-rotta ewlenija bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa, il-Prim Ministru spjega li d-dinja ma tistax tieqaf u rridu naħsbu għall-ġejjieni.
Il-Prim Ministru stqarr: “Dan huwa perjodu li kulħadd irid jifhem li hu temporanju għax qisha daħlet dil-mentalità li dil-kwistjoni tal-Coronavirus se tibqa’ għaddejja b’mod indefinit. Mhux il-każ. Aħna qed nitkellmu fuq sitwazzjoni temporanja, nikkontenuha bl-aħjar li nistgħu mill-aspett mediku, imma rridu naħsbu għal għada u għada se jasal.”
Il-Prim Ministru fakkar li filwaqt li huwa kruċjali li kulħadd jimxi mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-ħidma u ċertu xogħlijiet fil-pajjiż ma jistgħux jieqfu.
Dan biex fil-mument li kollox jerġa’ lura għan-normal, il-ħajja tibqa’ għaddejja, u kellu dan il-messaġġ għall-investituri:
Il-Prim Ministru sostna: “Ibqgħu investu f’dan il-pajjiż, ibqgħu bil-fiduċja li għandkom, hija l-fiduċja li għandkom li se toħroġ lil dan il-pajjiż mid-diffikultajiet li d-dinja tinsab fihom, il-fiduċja li intom dejjem kellkom f’pajjiżna, hija dik li se tmexxina ’l quddiem u bl-istess mod il-Gvern qed jirreċiproka dik il-fiduċja.”
Tenna li l-Gvern qed jirreċiproka l-fiduċja b’numru ta’ miżuri ambizzjużi, li qal li se jkomplu jittieħdu paripassu ma’ kif tiżviluppa s-sitwazzjoni.
Il-Prim Ministru kompla jgħid: “Mhux biss se nkomplu bil-proġetti infrastrutturali tagħna, se nżidu magħhom. Se nżidu magħhom u se nibqgħu għaddejjin ’il quddiem għaliex għandna fiduċja sħiħa f’dan il-pajjiż u bħala Gvern irridu nibagħtu messaġġ aħna, li għandna fiduċja li dan il-pajjiż se jiġi lura għan-normalità fi żmien qasir u dak il-messaġġ qegħdin nibagħtuh anki bil-mod kif il-proġetti infrastrutturali u industrijali jibqgħu mexjin b’mod normali.”