Iċ-Chairman tal-Grupp Corinthia Alfred Pisani sostna li l-ftehim li għamlet il-Corinthia biex jiggarantixxi ħlas ta’ tnejn u ħamsin miljun ewro lill-Gvern fuq art li għandha d-drittijiet esklussivi fil-bajja ta’ San Ġiljan, huwa ekwu u bilanċjat.
Is-Sur Pisani qal dan fi stqarrija b’reazzjoni għal rapporti fil-midja wara li l-Parlament beda jagħrbel kuntratt dwar il-proġett ambizzjuż mill-Corinthia għall-bini tal-ewwel żewġ lukandi ta’ sitt stilel f’Malta u l-bini ta’ żewġ blokok residenzjali fuq art li qiegħda għandha b’ċens għal 70 sena oħra.
Il-grupp Corinthia qed jitlob l-estensjoni ta’ dan il-ftehim għal 99 sena u t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet li ma jippermettux żvilupp residenzjali u kummerċjali.
Dwar il-valutazzjoni tal-art fil-ponta ta’ San Ġorġ, is-Sur Pisani saħaq li t-tnejn u ħamsin miljun li l-Corinthia lesta tħallas lill-Gvern mhumiex għax-xiri tal-art, iżda biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li għandha fuq l-art għal proġetti turistiċi biss.
Il-valutazzjoni saret mill-kumpanija tal-awdituri Deloitte.
Saħaq li l-iżvilupp taż-żewġ binjiet residenzjali bl-ogħla wieħed ta’ 15-il sular bejn il-lukanda Corinthia u r-Radisson, għandu l-għan li jsostni l-investiment multi-miljunarju li l-Corinthia mistennija tagħmel biex ittejjeb il-prodott turistiku ta’ Malta biex jiġbed viżitaturi li jonfqu iżjed.
Fisser dan il-proġett bħala riskju kbir u qal li l-kuntratt jobbliga lill-Coritnhia li tinvesti f’lukandi ġodda ta’ lussu. Saħaq li l-parti l-kbira tal-ponta ta’ San Ġorġ se tkun allokata għal-lukandi, inkluż ġonna, faċilitajiet ta’ rikreazzjoni u passaġġ pubbliku.
Is-Sur Pisani qal li l-proġett li mistenni joħloq mijiet ta’ postijiet ġodda tax-xogħol, jiddependi mill-approvazzjoni tal-Parlament u l-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar.