Waqt laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC ġew diskussi proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal reviżjoni ta’ direttiva eżistenti (Written Statement Directive) biex jiġi stabbilit qafas għal kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli. Il-proposti jikkonċernaw il-bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà li japplikaw għal forom ġodda ta’ impjiegi.
Fi preżentazzjoni li ngħatat mid-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi Alexandra Gatt, intqal li hu stmat li bejn 4 u 6 miljun ħaddiem fl-UE għandhom xogħol fuq talba (work on demand) jew temporanju. Skont id-Direttiva 91/533/KEE, min jimpjega hu obbligat jgħarraf lill-ħaddiema bil-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg minn meta jibda l-impjieg. Minn meta ħarġet id-Direttiva fl-1991, is-suq tax-xogħol inbidel ħafna minħabba l-bidliet teknoloġiċi u forom ġodda ta’ impjiegi fis-suq tax-xogħol. Il-proposti l-ġodda jipprovdu għal rimedji jekk ħaddiema jiċċaħdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u ġusti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, bħala chair tal-MEUSAC Core Group, qal b’reazzjoni għal rapport fl-istampa lokali f’artiklu li deher illum fil-ġurnal Times of Malta li f’dan l-istadju nkunu irresponsabbli jekk nitkellmu dwar ċifri fejn jidħol il-pakkett li se tieħu Malta f’fondi Ewropej għall-perjodu 2020-2027, meta l-Kummissjoni Ewropea għad trid tħabbar il-pjan tagħha f’Mejju li ġej. Huwa saħaq li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ser iħalli vojt ta’ madwar ħmistax-il biljun ewro, liema vojt għad mhemmx qbil fuq kif jista’ jimtela. Filwaqt li hemm pajjiżi li qed jipproponu taxxi ġodda, Malta hi kontra dan u tappoġġja l-ħsieb li jiżdiedu l-hekk imsejjħa own resources.
Aaron Farrugia spjega li l-prijoritajiet tal-Kumissjoni Ewropea nbidlu mill-2013 l’hawn, kif ukoll iċ-ċirkostanzi u l-ekonomija ta’ pajjiżna. Huwa semma wkoll kif Malta għandha l-pożizzjoni tagħha lesta u għandha wkoll team tajjeb lest biex jinnegozja biex il-pajjiż ikun jista’ jieħu l-aħjar pakkett ta’ fondi Ewropej. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-fondi li jiġu negozjati mhumiex l-unika fondi disponibbli, għaliex hemm ukoll fondi diretti f’forma ta’ 29 programm li huma amministrati direttament mill-Kummissjoni Ewropea.
Aaron Farrugia qal li r-rwol tiegħu hu wkoll li jaċċerta li Malta timmassimizza kull ċentezmu ta’ ewro li Malta ħadet filwaqt li jaċċerta li Malta tagħmel ir-riformi meħtieġa biex niksbu iktar f’dawk li huma fondi Ewropej diretti.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli kompliet ma’ Aaron Farrugia u qalet li n-negozjati dwar fondi futuri tal-UE għal Malta jridu jsiru fil-kuntest ta’ ekonomija b’saħħitha tal-pajjiż. Dwar is-suġġett tal-laqgħa, il-Ministru Dalli tkellmet fuq kif il-gvern preżenti flimkien mal-imsieħba soċjali ħadem biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fi klima ta’ nuqqas ta’ qgħad u bżonn li jiġu ngaġġati ħaddiema barranin biex jissodisfaw id-domanda tas-suq tax-xogħol. Il-Ministru Dalli qalet li kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar jiswew kemm għall-impjegati u kemm għal min iħaddem. Wara li indirizza l-prekarjat fis-settur pubbliku, il-Gvern issa qed jindirizza l-prekarjat fis-settur privat. It-trasparenza fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tgħin biex jitħaddem il-prinċipju ta’ ‘Paga Ndaqs għal Xogħol ta’ Valur Indaqs’.
Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb fakkar kif proprju llum qegħdin jiltaqgħu l-mexxejja ta’ 27 stat membru tal-UE biex jiddiskutu żewġ temi importanti għall-futur tal-UE: bidliet istituzzjonali fil-Kummissjoni u l-Parlament Ewopew, u direzzjoni politika lill-Kummissjoni biex f’Mejju tkun tista’ toħroġ proposti għall-budget għal wara l-2020.
Matul id-diskussjoni, diversi membri tal-Core Group qajmu numru ta’ kwistjonijiet inkluż il-bżonn li ma nżidux piżijiet amministrattivi fuq SMEs u fuq min iħaddem, il-bżonn ta’ studju biex naraw kif qed taħdem l-informal economy u l-bżonn li pajjiżna jkun attrezzat biex id-Direttiva, ladarba tiġi trasposta fil-liġi Maltija, tkun tista’ tiġi implimentata.
Il-membri preżenti ngħataw ukoll aġġornament dwar l-andament tan-negozjati tal-Brexit minn uffiċjali fil-Brexit Unit fi ħdan is-Segretarjat għall-Affarjiet Ewropej fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza. Intqal li d-diskussjonijiet bħalissa qegħdin jiffukaw fuq il-perjodu ta’ tranżizzjoni minn Marzu 2019 sa Diċembru 2020 u dwar il-ftehim tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Il-ftehim dwar il-miżuri ta’ tranżizzjoni ikun jgħodd biss jekk ikun hemm ftehim komprensiv dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Id-diskussjonijiet dwar ir-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-UE wara l-ħruġ għadhom ma bdewx.
L-uffiċjal preżenti qal li l-iktar ħaġa importanti biex jitnaqqas l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE hi li l-partijiet interessati jkunu infurmati dwar l-andament tan-negozjati u għal dan il-għan wieħed jista’ jikkuntattja lill-MEUSAC.