It-tazza li se tintrebaħ fil-kompetizzjoni prestiġjuża tal-Copa America, li bdiet f’dan tmiem il-ġimgħa, hija ddisinjata mill-istess ditta li l-Malta Football Association, l-MFA, għażlet biex tiddisinja u timmanifattura l-FA Trophy għal pajjiżna.
Għalkemm differenti fl-istil, iż-żewġ trofew juru ċertu eleganza.
“Huwa ta’ unur għall-MFA li trofew prestiġjuz bħalma hu dak tal-Copa America kien iddisinjat u manifatturat mill-kumpanija Thomas Lyte li hija l-kumpanija li bħalissa qed tipproduċi l-FA Trophy l-ġdida tagħna,” qalilna l-Viċi-President tal-MFA, Chris Bonnet.
Fi kliemu dan jixhed kemm l-MFA ħadet il-proġett tal-FA Trophy l-ġdida b’serjetà u dedikazzjoni kbira tant li għarfet taħdem fuq trofew daqshekk prestiġjuż ma’ kumpanija li l-fama internazzjonali tagħha titkellem waħedha.
“Għandna nkunu kburin bħala pajjiż żgħir aħna kapaċi, permezz tar-rispett internazzjonali li ngawdu, li kumpaniji bħal dawn jaħdmu magħna biex flimkien niktbu paġna ġdida fl-istorja tal-FA Trophy,” temm Bonnet.