Madwar sebgħin karozza f’għaxar kategoriji pparteċipaw fil-Concours D’Elegance li ttella’ fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt.
Fost l-attendenza numeruża qalb bosta karozzi bi stejjer rikki, dan il-konkors laqqa’ dilettanti tal-karozzi mas-sidien.
Fost il-klassijiet fil-ħames edizzjoni ta’ dan il-konkors kien hemm dik għal karozzi ddisinjati minn Pinninfarina u klassi Jaguar sa karozzi Amerikani u oħrajn li nbnew qabel jew wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Barra minn hekk, kien hemm kategoriji li raw ir-restawr fuq il-karozzi u oħrajn li ġew ippreservati mill-ġurnata li telqu mill-fabbrika.
Spikka wkoll l-ilbies ta’ wħud mill-parteċipanti li kkompetew fil-kategorija tal-aqwa ilbies mill-epoka li tikkumplimenta l-vettura tagħhom.
John Saliba li huwa wieħed mill-orgrnaizzaturi spjegalna kif ħadem dan il-konkors.
Saliba spjega, “Il-karozzi ħa jiġġieldu għall-ewwel, it-tieni u t-tielet post bejniethom il-konkors huwa dan. Minnhom minn jiġi l-ewwel f’kull klassi imbagħad ikun hemm iġġudikar bejn il-ġurija biex jagħżlu l-‘Best in Show Car’.”
Antoine Micallef, wieħed mill-parteċipanti li ħa sehem b’Jaguar E-Type Roadster tal-1963 qasam magħna l-istorja tal-vettura tiegħu.
Micallef stqarr, “Ġibtu mill-Amerika xi ħames snin ilu, ovvjament irrestawrajtu kollu, dortu dawra kif għandu jkun u nipprova ngawdih kemm jista’ jkun.”
Fost il-karozzi kien hemm ukoll Citroën Traction Avant ta’ Oliver Agius maħruġa fl-1939 li ġiet ippreservata minn żmien il-Gwerra f’Pariġi qabel inġiebet f’pajjiżna madwar għoxrin sena ilu.
Agius qal, “Ġibtha minn Pariġi kienet ilha ġol-garaxx tas-sid, damet il-gwerra kollha, ma ħarġitx u l-milage li għandha hija l-oriġinali kollox sippost oriġinali anki t-tires.”