“L-isfida tat-tibdil fil-klima qed tittieħed bis-serjetà mill-gvern kollu kemm hu. Għalhekk li twaqqfet il-Climate Action Authority biex b’impenn u kollaborazzjoni nkomplu naħdmu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.” Hekk saħqet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli waqt laqgħa mas-segretarji permanenti kollha tal-gvern, immexxija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u l-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority Abigail Cutajar.
Din il-laqgħa kienet iffukata fuq ir-rwol tal-gvern biex jindirizza t-tibdil fil-klima u kif flimkien mal-Climate Action Authority tista’ tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-ministeri u l-entitajiet kollha.

Il-Ministru Miriam Dalli semmiet kif Malta qed tkun minn ta’ quddiem b’azzjonijiet differenti u żiedet tgħid li jekk naġixxu b’kuraġġ, dawn l-isfidi nistgħu nibdluhom f’opportunitajiet. Ħeġġet lill-ministeri kollha biex jiffukaw fuq ġenerazzjonijiet futuri u jiddedikaw aktar riżorsi lejn miżuri konkreti u kollaborattivi.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, bħala l-ogħla awtorità tas-servizz pubbliku, enfasizza l-importanza ta’ sinerġija effettiva bejn il-ministri, id-dipartimenti u l-aġenziji tal-gvern. Huwa qal li t-twaqqif tal-Climate Action Authority se jkun katalist għal politika aktar ċara u ppjanar strateġiku fit-tul, fejn l-azzjoni klimatika ma tkunx biss responsabbiltà ta’ Ministeru wieħed iżda impenn ta’ pajjiż sħiħ. Huwa qal ukoll li l-amministrazzjoni pubblika diġà ħadmet id f’id fuq proġetti ambjentali fejn fost oħrajn huwa semma l-flotta tal-vetturi elettriċi tas-servizz pubbliku u l-isforzi tanġibbli li jsiru f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miri għal żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority Inġ. Abigail Cutajar enfasizzat li l-awtorità hija impenjata sabiex tkun katalista għal dan it-tibdil kemm fis-settur pubbliku kif ukoll privat. “Flimkien biss nistgħu nassiguraw futur sostenibbli għall-pajjiż u għaċ-ċittadini tagħna. Għalhekk huwa fundamentali li jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi, b’viżjoni fit-tul, għall-azzjoni konkreta u koordinazzjoni sħiħa,” stqarret l-Inġ. Cutajar.
Il-laqgħa ntemmet b’messaġġ ta’ impenn u tama fejn il-Ministru Miriam Dalli rringrazzjat lill-kap tas-servizz pubbliku u lill-uffiċjali kollha preżenti għall-appoġġ tagħhom. “Meta l-gvern jitkellem b’vuċi waħda u kulħadd jaħdem, naslu,” temmet tgħid il-ministru, filwaqt li saħqet dwar kemm huwa kruċjali li Malta tibqa’ timbotta ’l quddiem il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.