“Budget sensittiv soċjalment”, kien il-mod kif Caritas Malta fissret il-budget għas-sena d-dieħla.
Fi stqarrija, il-Caritas qalet l-budget jagħraf il-bżonn ta’ miżuri soċjali li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ diversi faxex tas-soċjetà.
Il-Caritas laqgħet iż-żieda fiċ-children’s allowance għal min għandu anqas dħul, iż-żieda fil-benefiċċji għal persuni b’diżabiltà u persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.
Laqgħet ukoll il-mod kif il-Gvern qed jindirizza l-problema ta’ individwi li jiddependu mill-kera privata u li m’għandhomx housing adekwat, il-mod kif se jgħin persuni li għandhom aktar minn 40 sena biex isiru sidien ta’ darhom, u ż-żieda sostanzjali fis-sussidju tal-kera.
Il-Caritas tinnota li xi setturi għadhom joffru sfidi għal pajjiżna. Sfidi li dan il-Gvern għaraf u aċċetta.
Issemmi l-qasam edukattiv u l-ħtieġa ta’ sforz akbar biex jonqsu t-tfal li jħallu l-bank tal-iskola.
Filwaqt li nnutat u laqgħet iż-żieda fil-paga minima, il-Caritas qalet li se tibqa’ ssostni li din għandha tagħti biżżejjed dħul għal ħajja diċenti u adekwata.
Caritas talbet ukoll għal programmi edukattivi msejsa fuq il-provi, u li jinvolvu b’mod dirett lill-ġenituri, biex tfal jingħataw għarfien dwar l-esperimentar u l-abbuż tad-droga.
Fuq kollox il-Caritas nnutat ukoll it-tnaqqis sostanzjali fir-rata ta’ persuni mċaħħda mill-aktar ħwejjeġ bażiċi fl-aħħar sentejn. Qalet li dan seta’ jkun possibbli bis-saħħa ta’ għajnuniet finanzjarji, mediċini b’xejn, kif ukoll għajnuniet minn għaqdiet mhux governattivi u mill-Knisja.