Ir-riforma fil-liġi tal-kera ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin, imħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela s-Sibt li għadda kompliet tintlaqa’ minn aktar għaqdiet.
Fil-fatt il-Caritas fissret il-liġi tal-kera, li se tagħti serħan il-moħħ lil madwar għaxart’elf familja, bħala pass importanti.
Dan intqal mid-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt f’kummenti ma’ ONE News, fejn saħaq li fost oħrajn qed jiġi indirizzat it-tħassib tal-inkwilini.
Huwa qal, “Bla dubju dan huwa pass importanti ‘l quddiem, fid-dawl ta’ numru ta’ persuni, fosthom anke nies vulnerabbli u anzjani li kienu qed jgħixu f’biża’ ta’ x’ħa jiġrilhom. Ovvjament is-saqaf huwa dritt bażiku uman u jekk persuna tkun qed tinkwieta jew tibża’ li tista’ tispiċċa barra t-triq, dik toħloq insigurtà kbira fil-ħajja ta’ dak li jkun.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti, qal li l-MDA laqgħet ir-riforma tal-kera, fejn sejħitilha bħala pass kuraġġuż.
Saħaq li r-riforma li qed jimbotta l-Gvern bdiet tindirizza anomalija li ilha għaddejja snin twal.
Is-Sur Chectcuti stqarr: “Min-naħa tagħna ħa nkunu qegħdin nagħtu kontribut biex ir-riforma ssir ġusta, illi ma jkunx hemm dewmien esaġerat biex bniedem jieħu dak li ħaqqu, illi se nkunu wkoll naħdmu biex il-valutazzjoni tal-propjetà li tkun qed tingħata, tkun qed tingħata waħda xierqa kif suppost, fost affarijiet oħra.”