Fl-okkażjoni tal-55 sena ta’ servizz lejn dawk l-aktar fil-bżonn, il-Caritas Malta organizzat wirja ta’ pitturi bl-akkwarelli mill-artist magħruf John Martin Borg flimkien mat-tifla tiegħu Claire.
L-esebizzjoni, bit-tema ‘In the Heart of Spring’, minbarra li serviet ta’ ċelebrazzjoni ta’ dawn il-55 sena ta’ impenn, kienet tirrelata wkoll mal-ħidma ta’ Caritas Malta, li ġabet rebbiegħa ġdida fil-ħajja ta’ ħafna nies.
Għalkemm il-missier u bintu kienu esibew ix-xogħlijiet tagħhom f’diversi wirjiet ta’ arti, din hija l-ewwel darba li għamlu wirja kompluta flimkien bix-xogħlijiet tagħhom. Il-wirja kienet tikkonsisti f’madwar 35 kwadru bl-akkwarelli, u saret fil-Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il-Ħamrun.
Din kienet, għaldaqstant, opportunità wkoll għal dawk li qatt ma attendew f’dan iċ-ċentru fil-komunità, li ġie inawgurat mill-Prim Ministru, Robert Abela, f’Novembru li għadda. Il-binja, li kienet mitluqa, inbidlet f’ċentru ta’ servizzi komunitarji bla ħlas, bl-għan li jgħin in-nies jintegraw lura fis-soċjetà. Dan sar anki b’għajnuna sostanzjali min-naħa tal-Gvern.
Dakinhar, il-Prim Ministru afferma l-impenn tal-Gvern li jibqa’ sensittiv għall-ħtiġijiet tan-nies filwaqt li jirrikonoxxi li kulħadd ħaqqu t-tieni opportunità.
Id-Direttur tal-Caritas Malta, Anthony Gatt, qal li l-flus kollha li daħlu mill-bejgħ tal-pitturi li kienu esibiti se jmorru biex il-Caritas tkun tista’ tkompli ssaħħaħ is-servizzi tagħha.
Id-Direttur saħaq “Il-Caritas, ovvjament, tiddependi mill-benefatturi, tiddependi mill-attività ta’ fundraising, li tagħmel. Għandna servizzi li jiddependu kompletament, mija fil-mija, minn dawn il-fondi u rizorsi, u tajjeb ngħid li lil John Martin u lit-tifla tiegħu aħna narawhom bħala benefatturi tal-Caritas ukoll; mhux biss tal-Caritas imma proprju tal-familji li aħna nkunu qed nagħtu servizz lilhom.”