Caritas Malta informat lill-pubbliku li l-kontijiet li nfetħu għall-Fond ta’ Emerġenza għall-vittmi f’Aleppo, is-Sirja issa jinsab magħluq.
Dan il-Fond infetaħ biex permezz ta’ din l-għajnuna li tintbagħat lill-Caritas Internationalis, tingħata għajnuna lill-vittmi ta’ Aleppo fis-Sirja, speċjalment fejn hemm l-iktar bżonnijiet ta’ saħħa, ilma u sanità, sistema ta’ edukazzjoni u xelters għal dawk il-persuni li tilfu dak kollu li kellhom.
Is-Somma miġbura hija ta’ €9350. Dawn il-flus li se jintbagħtu lil Caritas Syria, qed jiġi mwiegħed li Caritas Sirja timplimenta programm ta’ sena li jinkludi salvataġġ ta’ ħajjiet ta’ persuni. Se taħdem ukoll biex terġa’ tibni l-ħajja ta’ dawk li tilfu kollox u dan b’mod sostenibbli. Caritas Syria tkompli wkoll f’ħidma sħiħa fejn tipprovdi l-ewwel bżonnijiet bażiċi tal-bniedem, ikel, fejn jgħix u x’jilbes, edukazzjoni, kif ukoll kull tip ta’ għajnuna oħra psikoloġika permezz tat-terapisti tagħha.
Il-mira ta’ dan il-proġett ikun biex dawk il-familji kollha affettwati, jerġa’ jkollhom l-opportunità jibnu l-komunità tagħhom u t-tfal jerġgħu jibdew jattendu għall-edukazzjoni fl-iskejjel li jinbnew. Dawn jingħataw dak kollu li jkollhom bżonn inkluż stationery u affarijiet oħra għall-iskola.
Caritas Malta għan-nom ta’ Caritas Internationalis irringrazzjat lill-pubbliku li jikkonkori permezz ta’ donazzjonijiet għal dawn ix-xorta ta’ sejħiet.