Mill-bidu tas-sena d-dieħla, il-Gvern se jkun qed iwettaq wegħda elettorali u miżura tal-Budget għas-sena d-dieħla, hekk kif il-carers’ grant se tiżdied minn €500 għal €4,500, b’investiment ta’ miljun u tmien mitt elf ewro.
Din l-għotja tingħata lil dawk il-qraba li jieħdu ħsieb persuni adulti b’diżabiltà severa u ma jkunux jistgħu joħorġu jaħdmu biex jieħdu ħsieb lill-uliedhom.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, u l-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li b’din il-miżura qed issir ġustizzja ma’ madwar 400 familja, hekk kif din l-għotja għal dawn il-familji se tiżdied b’disa’ darbiet.
Qalet, “Prattikament, qed ninvestu €1.8 miljun f’din il-wegħda elettorali. Se naraw 400 familja illi se jkunu qegħdin jaraw żieda ta’ disa’ darbiet aktar li kienu jirċievu u allura ma’ kull persuna b’diżabilità qisu aħna qegħdin niddedikaw paga u nofs lil din il-familja.”
Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar kif dan il-Gvern jemmen fis-soċjal, fosthom fil-persuni b’diżabiltà.
Il-Ministru Falzon aċċenna għal kif il-gvern Laburista wettaq diversi miżuri soċjali, fosthom dik li daħħal il-carers’ grant, u s-sena d-dieħla dan se jkun qed jissaħħaħ.
Qal, “Insemmi biss li, fl-aħħar ftit snin, il-fatt li l-allowances ta’ persuni b’diżabiltà severa se tingħata paga minima netta, illi wessgħajna l-Barthel Index, fejn allura wessgħajna l-għotja li nagħtu lil aktar nies. Introduċejna wkoll il-carers’ grant, li hija l-aħħar miżura, kienet f’dan il-Budget, u li effettivament tfisser li mhux biss se ngħinu, imma se ngħinu aktar b’mod sostanzjali.”