“Bħal ma jiġri fil-futbol, meta nkunu minn taħt jew ikollna xi diffikultajiet ikun il-mument li nirreġixxu u nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex negħlbu din il-logħba.” Dan kien messaġġ ta’ kuraġġ mill-captain tat-tim Nazzjonali u plejer tal-Hibernians Andrei Agius lill-ġuvni ta’ 18-il sena mill-Imtarfa li jumejn ilu safa mtajjar waqt li kien qed jiġri f’Ħad Dingli.
F’messaġġ qasir, Agius radd ħajr lill-ġuvni talli tul is-snin dejjem dejjem ta sapport lit-tim nazzjonali tal-futbol fejn fl-istess waqt tenna li issa kien imiss lill-plejers li jagħtu s-sapport tagħhom liż-żagħżugħ waqt li kien qed jirċievi l-kura fl-Isptar Mater Dei.
L-inċident li ħalla lill-ġuvni jissielet għall-ħajtu seħħ il-Ħamis filgħaxija fejn għall-ħabta tas-18:30 iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena intlaqat minn karozza tat-tip Honda Fit waqt li kien qed jiġri fit-triq li min-Nigret twassal lejn Ħad-Dingli.
Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’urġenza fejn ġie ċċertifikat li kien jinsab fil-periklu tal-mewt. Dwar dan il-każ inħatret ukoll Inkjesta Maġisterjali.
Ritratt: TVM