Il-ħidma sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-linja Nazjonali tal-ajru, l-Air Malta, ġiet rikonoxxuta miċ-ċentru tal-avjazzjoni CAPA bil-premju CAPA Turnaround Airline of the Year.
CAPA hija ċentru rinomat fil-qasam tal-avjazzjoni u l-industrija tal-ivjaġġar, u tirrikonoxxi linji tal-ajru u ajruporti joffru tmexxija lill-industrija u jkunu wettqu strateġiji li jistgħu jiġu segwiti minn kumpaniji oħra.Ma’ ONE News, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-rikonoxximent li kisbet l-Air Malta:
“Din it-turnaround ġiet rikonoxxuta minn panel internazzjonali ta’ aviation experts bħala a good practice case. Issa nħarsu ‘l quddiem li l-viżjoni li għandu l-Prim Ministru għall-Air Malta, li nsiru l-linja tal-ajru tal-Mediterran, tkompli tisaħħaħ u nkomplu nħarsu lejn medium-haul destinations għall-pajjiż”.
Il-Ministru Mizzi spjega kif il-miżuri li ħadet l-Air Malta fl-aħħar sena wasslu biex il-linja tal-ajru nazzjonali tinqeleb minn waħda li togħtor bil-piż tad-djun għal mutur ekonomiku ieħor għal pajjiżna:
“L-Air Malta għamlet sena ntensiva biex ikollha turnaround ta’ suċċess. Fil-fatt, għall-ewwel darba f’20 sena, l-Air Malta mhux qed tagħmel telf iżda għamlet breakeven. Dan seħħ għax żiedna r-rotot, imlejna l-ajruplani tagħna b’aktar passiġġieri, l-ajruplani tagħna qed itiru aktar sigħat, u kellna collective agreements ġodda li jtuna iktar effiċjenza”.
Intant, b’mod unanimu ġie deċiż li s-sena ddieħla pajjiżna jospita s-summit tal-CAPA:
“Is-sinjifikat tagħhom huwa mportanti ħafna għaliex Malta qed nippożizzjonawha bħala ċentru għall-avjazzjoni. Ċentru għall-aircraft registration, għal resource, għal maintenance, għat-training, għar-rotot intensivi u għall-operat ta’ maintanence repair and overhaul ma’ dak li għandu x’jaqsam ma’ dan is-settur”.