Fl-aħħar snin l-Unjoni Ewropea segwiet politika diviżiva fejn in-narrattiva kienet waħda ta’ instigar aktar milli djalogu u diplomazija. Fl-2022, meta kienu qed iseħħu l-għajdut dwar l-attakk tar-Russja fuq l-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea għażlet li tagħmel il-gwerra tal-Ukrajna tagħha. Dakinhar l-ekonomista Clint Azzopardi Flores kien bassar li s-sanzjonijiet kienu se jnaqqru mill-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej, minħabba li l-effetti tas-sanzjonijiet kienu se jieħdu fit-tul. Dan minħabba li kellu jkun hemm qabża minn fejn tinxtara il-merkanzija inkluż il-gass u anke materja prima oħra.
Dakinhar Azzopardi Flores appella dwar il-bżonn li ma mmorrux f’direzzjoni ta’ gwerra għax l-effetti negattivi ekonomiċi kienu se jagħtu imbuttatura lill-lemin estrem. Hekk jidher li qed iseħħ. Meta jkollok probelmi ekonomiċi l-ewwel ma jlaqqata’ huwa ż-żgħir. Jekk il-karba taż-żgħir tkun injorata, ovvjament ikun hemm min jikkapitalizza fuqha speċjalment il-politiċi tal-lemin estrem. L-Unjoni Ewropea trid taċċerta minn issa ‘l quddiem, li se jkun hemm qsim fil-ħsieb ta’ dawk li jemmnu li għandu jkun hemm tmexxija Ewropea għaqlija li tinvesti fis-soċjal, u oħrajn li se jemmnu li se jkun hemm bżonn Ewropa differenti li tagħmel id-difiża bħala prijorità.
Għalhekk wasal iż-żmien li l-poplu jirrealizza li l-Unjoni Ewropea qiegħda f’salib it-toroq, u li l-vot fit-8 ta’ Ġunju se jiddetermina x’Ewropa irridu għalina u għal uliedna.