Malta temmen li l-potenzjal li għandu r-reġjun tal-Mediterran jista’ jiġi msarraf aħjar għall-benefiċċju tal-popli Ewropej u dawk fl-Afrika ta’ Fuq.
Dan saħqu l-l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Ministru għall-Intern tal-Ġermanja Horst Seehofer ddiskutew temi ta’ interess bilaterali kif ukoll temi ta’ interess għall-Unjoni Ewropea f’Berlin. Dan fid-dawl tal-fatt li bħalissa l-Ġermanja għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Fost it-temi diskussi kien hemm is-sigurtà fil-Mediterran u l-irwol tal-Unjoni Ewropea favur il-paċi f’kull parti tal-Mediterran fejn il-Ministru Camilleri fisser kif l-istabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran għandha bosta benefiċċji għall-Unjoni Ewropea nnifisha.
Is-sitwazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran u l-bżonn li tiħrax il-ġlieda kontra organizzazzjonijiet kriminali kienet diskussa wkoll b’mod partikolari dawk iċ-ċrieki li jipperikolaw tant ħajjiet ta’ persuni waqt vjaġġi illegali lejn l-Ewropa..
Hawnhekk il-Ministru Camilleri saħaq li din il-kwistjoni tista’ tissolva biss billi l-Unjoni Ewropea tkompli tagħti sostenn dirett lill-pajjiżi ta’ transitu, inkluż il-Libja.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru Camilleri rrikonoxxa l-impenn tal-Ġermanja biex Malta ma titħalliex iġġorr waħedha l-piż tal-immigrazzjoni illegali, l-aktar fejn tidħol ir-rilokazzjoni ta’ immigranti minn Malta.
Huwa fakkar li baqa’ aktar xi jsir biex aktar stati membri tal-Unjoni Ewropea juru l-istess impenn li qed turi l-Ġermanja ma’ Malta.
Ġew diskussi wkoll opportunitajiet oħra ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, fosthom it-tisħiħ tal-proċess tal-ażil u r-ritorn ta’ persuni lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom f’każ li ma jkunx ħaqqhom protezzjoni.