Ġimgħa ‘l bogħod mill-Festa tal-Imnarja, fil-Buskett għaddejjin fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għal din il-festa tradizzjonali.
Il-Fest tal-Imnarja se tiġi iċċelebrata bejn l-Ħamis u l-Ġimgħa tal-ġimgħa d-dieħla. Il-Buskett jinbidel f’villaġġ agrikolu fejn l-bdiewa u r-raħħala jingħataw l-opportunità li jesebixu l-frott u l-ħxejjex tagħhom.
Filfatt, Anna Zahra li ilha snin taħdem ir-raba’ spjegat kif l-Imnarja hija festa ta’ ċelebrazzjoni ta’ dak kollu li huwa prodott malti.
“Ix-xahar ta’ Ġunju xahar nippreparaw festa sabiħa għalina. Nieħdu gost nipparteċipaw.”
F’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu ngħataw id-dettalji b’rabta mal-festa tal-Imnarja ku tfajjar iż-żewġ qaddisin San Pietru u San Pawl. Festa li qiegħda tiġi organizzata mis-segretarjat parlamentari għall-agrikultura u d-drittijiet tal-animali u t-taqsima festi rurali u s-soċjeta agrarja .
Il-Festa tibda lejlet l-Imnarja, b’parata li titlaq minn fuq is-Saqqajja u tidħol fil-Buskett bil-pubbliku jkollu lejl ta’ divertiment.
Il-Buskett se jkun ikkaraterizzat minn dak kollu li hu Malti bħal mużika, żfin folkloristiku, għana u ma jonqosx ikel bnin u tradizzjonali Malti.
L-għada l-Ġimgħa l-Buskett jisbaħ kmieni bil-wasla ta’ diversi bhejjem bħal baqar, nagħaġ, mogħoż, żwiemel , ħmier u klieb li fost oħrajn se jipparteċipaw f’kompetizzjoni ta’ sbuħija.
Is-segretarju parlamentari Clint Camilleri tkellem dwar l-importanza li din il-festa tinżamm ħajja. Festa li sejjaħ bħala opportunità għal pubbliku sabiex jiltaqa’ mal-bdiewa u r-raħħala u jitkellem magħhom dwar ix-xogħol importanti tagħhom fl-ambjent Malti.