L-ewwel laqgħa f’din il-leġiżlatura l-ġdida t-Tnejn fi ħdan il-Bureau tal-Parlament Ewropew kienet mistennija tiddiskuti skandlu ġdid, li tfaċċa x-xahar li għadda, fejn kienet insterqet id-dejta personali ta’ eluf ta’ ħaddiema ta’ din l-istituzzjoni Ewropea preżenti u passati, waqt li ftit kienet għadha ngħatat informazzjoni lil dawk milqutin.
Aktar kmieni f’Mejju, f’nofs kampanja elettorali, il-Parlament Ewropew wissa lil aktar minn 9,000 ħaddiem, li tagħrif personali, inkluż in-numri tal-karta tal-identità u passaporti, ċertifikati u rekords mediċi, fost l-oħrajn, insterqu minn hackers.
Jirriżulta li l-informazzjoni, li nħarġet illegalment mill-istituzzjoni, tmur lura għall-aħħar għaxar snin u tikkonċerna lil dawk kollha li ħadmu fil-Parlament Ewropew, anke dawk li llum m’għadhomx.
Il-kumitat, li jirrappreżenta lill-assistenti fil-Parlament Ewropew, kien kiteb lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola jistaqsiha dwar x’passi qed jittieħdu dwar dan il-każ.
Minkejja dan, ma’ Politico, uħud minn dawk affettwati kienu sostnew li kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni magħhom mit-tmexxija tal-Parlament Ewropew.
Is-sit internazzjonali kien irrapporta li l-ħaddiema kienu rrabjati, waqt li kienu qed jistennew it-tweġibiet mill-ogħla tmexxija.
Sussegwentement il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew talbu li l-kwistjoni serja tiġi ttrattata fl-ewwel laqgħa tal-Bureau fl-24 ta’ Ġunju, skont ittri li ra sit ieħor, bl-isem ta’ Euractiv. Il-Bureau hu l-entità responsabbli minn affarijiet relatati mal-amministrazzjoni u jfassal ir-regoli.
Il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi argumenta li hemm bżonn diskussjoni ġenerali dwar kif ġie ttrattat il-każ u r-responsabbiltajiet tal-Parlament Ewropew f’każ ta’ danni li ġew ikkawżati.
Ittri oħrajn simili ntbagħtu mill-gruppi tal-Ħodor, tax-Xellug u Renew, li talbu għal iżjed informazzjoni anke wara li l-ħaddiema għadhom prattikament fil-għama dwar din id-data breach aktar kmieni din is-sena.
Ir-regoli tal-Parlament Ewropew jesiġu li dawk konċernati jiġu mgħarrfin fi żmien tnejn u sebgħin siegħa mindu jinstab telf ta’ informazzjoni simili.