Wara li fl-aħħar leġiżlatura l-gvern kien illeġiżla, f’konformità mad-direttivi tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi mwaqqaf il-Bureau għall-Irkupru tal-Assi (Asset Recovery Bureau), il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici llum daħħal fis-seħħ dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi bl-għan ewlieni li l-imsemmi Bureau jkun mogħti iktar poteri sabiex ikun jista’ jaqdi iktar funzjonijiet fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
“Dan il-gvern huwa kommess illi jassigura li l-Bureau għall-Irkupru tal-Assi jkun mogħti l-poteri neċessarji sabiex ikun jista’ jibda jaħdem b’mod effettiv. Għaldaqstant, issa l-Bureau ser ikun kompetenti sabiex fost oħrajn jieħu kontroll fuq assi u proprjetà li tkun ġejja minn attività kriminali, liema assi u propjetà tiġi amministrata b’mod li tkun ta’ ġid għall-komunità”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Il-mira hi li persuni li jkunu kisbu kwalunkwe assi b’mod illeċitu minn xi reat kriminali jiġu mċaħħda minnhom hekk kif il-Bureau għall-Irkupru tal-Assi ser ikun inkarigat li jirrintraċċja, iżomm, jiġbor u jippreżerva, jamministra u jbigħ proprjetà maqbuda b’deċiżjoni tal-Qorti.
Il-Bureau għall-Irkupru tal-Assi huwa kompost mill-Imħallef Emeritu Joseph David Camilleri bħala Chairperson, is-Sur Frankie Mercieca, Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja, bħala Deputy Chairperson, flimkien mal-membri tal-board is-Suppretendent Ian Abdilla, il- Kummissarju tat-Taxxi Marvin Gaerty u d-direttur tal-FIAU Kenneth Farrugia.