B’20% biss tal-popolazzjoni biss imlaqqma kontra l-COVID-19, il-Bulgarija hija l-anqas pajjiż fl-Unjoni Ewropea, u għandu saħansitra anqas adulti mlaqqma mill-medja Ewropea ta’ 69%.
Il-Gvern Bulgaru qed joffri l-erba’ vaċċini kontra l-COVID-19, iżda jidher li l-maġġoranza tal-popolazzjoni qed tagħżel li ma titlaqqamx. Fil-fatt mill-bidu tal-pandemija, 19,000 persuna tilfu l-battalja mal-Coronavirus fil-pajjiż, medja ta’ 41 persuna l-ġimgħa l-oħra biss. Dan tefa’ pressjoni kbira fuq is-sistema tas-saħħa tal-pajjiż, b’mod partikolari t-taqsimiet tal-kura intensiva li ma jifilħux iżommu aktar pazjenti.
B’rispons anke għall-kampanja fqira ta’ tilqim fost il-poplu, il-Gvern Bulgaru kien kostrett jestendi xi restrizzjonijet din il-ġimgħa stess, fosthom li ristoranti u stabbilimenti tad-divertiment jagħlqu mal-11:00 ta’ filgħaxija.
Issa l-Bulgarija qed tħares lejn Malta u s-suċċess li kisbet fit-tilqim nazzjonali hekk kif ftit anqas minn 83% tal-popolazzjoni adulta fil-gżejjer Maltina hija kompletament imlaqqma kontra l-virus. Dan ipoġġi lil Malta fil-quċċata tal-pajjiżi madwar id-dinja li kisbu suċċess fil-programm nazzjonali ta’ tilqim.
F’intervista li din il-ġimgħa kellu fuq l-istazzjon nazzjonali tal-Bulgarija, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li bħalissa, l-anzjani fir-residenzi qed jingħataw id-doża addizzjonali tat-tilqima. Hawn fakkar kif fl-istess ħin persuni b’immunità baxxa wkoll qed jiġu mistiedna jitlaqqmu bit-tielet doża, magħrufa bħala l-booster.
Fisser ukoll kif parti mis-suċċess mhux biss kien l-għaqal fl-ippjanar min-naħa tal-awtoritajiet, iżda anke l-fatt li l-poplu kellu u għad għandu fiduċja fil-vaċċin, u ħareġ bi ħġaru biex jitlaqqam. Dan wassal ukoll biex ikomplu jonqsu r-restrizzjonijiet u l-pajjiż ikompli jimxi lejn normalità.