F’ittra ppubblikata, ħames pajjiżi; l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Islovenja u l-Latvja qed jilmentaw li hemm diskrepanza fid-distribuzzjoni tal-vaċċin kontra l-Covid-19 bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Din l-ittra ħarġet jum wara li l-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz ilmenta li Malta qed tieħu ħafna dożi tal-vaċċin biex tlaqqam il-popolazzjoni tagħha.
Kurz allega kif pajjiżi bħal Malta għamlu ftehim sigriet ma’ kumpaniji farmaċewtiċi sabiex jirċievu iżjed dożi tat-tilqim.
Din l-allegazzjoni minn Kurz ġiet miċħuda mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u saħaq li kull kunsinja li waslet f’pajjiżna ġiet skont il-mekkaniżmu komuni għall-istati membri kollha.
Ma’ din id-dikjarazzjoni li għamel Kurz ma qabilx magħha wkoll il-Ministru tas-Saħħa tal-Awstrija stess.
Din l-ittra minn ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ntbagħtet lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Kelliem għall-Unjoni Ewropea qal kif l-ammont ta’ dożi li jaslu għand il-membri stati huwa f’idejn il-membri stati tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif huma jistaqsu għall-iżjed jew inqas dożi u ntqal ukoll li din il-kwistjoni se tkun diskussa waqt is-summit tal-Kunsill Ewropew, li se jsir lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar.