Waqt is-Summit tal-Kunsill Ewropew, fi Brussell, il-mexxejja Ewropej qablu dwar it-triq ’il quddiem dwar is-settur tal-enerġija.
Dan il-ftehim jinkludi mekkaniżmu għal xiri konġunt ta’ gass u strateġija li tnaqqas l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u l-enerġija.
Għal dan is-Summit tal-Kunsill Ewropew kien hemm preżenti f’isem Malta l-Prim Ministru Robert Abela.
Fi tmiem il-laqgħat intensivi bejn il-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru saħaq li dak maqbul possibiliment jgħin ukoll lil Malta f’inqas spejjeż li qed toħroġ f’għajnuna biex il-familji u n-negozji qed jibqgħu jgawdu minn stabbilita fil-prezzijiet tal-enerġija.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta hija koperta b’kuntratt ta’ provvista tal-enerġija li jagħtiha sikurezza, bil-mekkaniżmu għal xiri konġunt ta’ gass se jgħin biex iwaqqa’ l-prezz tal-enerġija globalment, inkluż dik impurtata mill-interconnector li Malta għandha mal-Italja. Dan filwaqt li pajjiżna mistenni jgawdi minn dak maqbul mill-mexxejja Ewropej.
Fl-aħħar ta’ dan is-Summit, il-Prim Ministru tkellem fuq l-istabbilità ekonomika u soċjali li qed jagħti l-Gvern Malti.
Dr Abela stqarr, “Din l-istrateġija, imbagħad, tara kif tirrifletti preċiżament ma’ dak li għamilna aħna bħala Gvern konsistentament għal dan l-aħħar xhur. L-ewwel meta kellna l-pandemija. Imbagħad, mill-24 ta’ Frar ta’ din is-sena ’l quddiem, meta bdiet il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, fejn ħadna din id-deċiżjoni strateġika li bħala Gvern inżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli u tara dik l-istrateġija li qegħda fuq fomm kull mexxej tal-Istati membri kollha. L-importanza li nipproteġu lin-nies tagħna, l-importanza li nipproteġu lin-negozji tagħna minn din iż-żieda u l-impatt tal-prezzijiet.”
Il-Prim Ministru saħaq li din hija t-triq ’il quddiem anki fil-Baġit li se jippreżenta l-Gvern nhar it-Tnejn li ġej.
Robert Abela rrimarka, “Se tkun ukoll strateġija li se nkomplu nitkellmu dwarha fil-Baġit ta’ nhar it-Tnejn li ġej, fejn se nitkellmu dwar l-importanza tal-istabbilita illi se nkunu qed nagħtu bil-Baġit, stabbilità u wkoll serħan il-moħħ lill-poplu tagħna, u għalhekk nemmen li din hija strateġija ewlenija.”
Fi tmien dan is-Summit tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru rrimarka li l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja investimenti f’enerġija rinovabbli se jwassal biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
F’dan il-Kunsill Ewropew, li kien wieħed impenjattiv sew, ġew diskussi wkoll materji ekonomiċi. Il-Prim Ministru Abela saħaq li, fil-livell Ewropew u anki f’dak nazzjonali, irid jibqa’ jkun hemm politika soċjali li ma titfax il-piżijiet fuq il-familji u n-negozji.
Il-mexxejja Ewropej sostnew l-appoġġ tagħhom għall-Ukrajna u fuq l-aġenda kien hemm ir-relazzjonijiet esterni, fosthom ir-relazzjonijiet maċ-Ċina u anki l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-tibdil fil-klima, dik tal-COP27. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li f’din il-konferenza jrid jiġi onorat dak maqbul fil-Ftehim ta’ Pariġi u fil-Patt ta’ Glasgow dwar il-Klima. Dan jista’ jseħħ billi jibqa’ jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima b’miżuri ambjentali li jaħsbu fil-ġenerazzjonijiet futuri.