Il-Budget li se jkun imħabbar ftit tal-jiem oħra se jkun qed jinkludi aktar miżuri biex pajjiżna joħroġ mill-proċedura ta’ aktar moniteraġġ li ninsabu fiha wara d-deċiżjoni tal-FATF.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana fuq l-ewwel edizzjoni tal-programm Taf x’Qed Jgħidu?! fuq ONE, it-Tlieta filgħaxija.
Il-Ministru Caruana rrimarka, “Irrid ngħid li fl-aħħar ġimgħat ħdimt ħafna mill-qrib ta’ nies fis-settur finanzjarju. Fil-Budget ukoll biex nuru l-impenn ta’ dan il-Gvern għal dan is-settur se jkun hemm numru ta’ paġni li huma ddedikati għal dan is-settur li ġejjin mill-istess nies li jaħdmu fis-settur.”
Hekk kif id-diskussjoni tul il-programm messet ma’ diversi temi li jmisshom magħhom in-nies, il-Ministru Caruana wieġeb ukoll mistoqsijiet dwar l-inflazzjoni li qed tesperjenza mhux biss Malta iżda d-dinja kollha kawża tal-pandemija.
Il-Ministru Caruana stqarr, “Aħna minn naħa tagħna bħala Gvern li nistgħu nagħmlu sintendi ma nistgħux nikkontrollaw dawn l-affarijiet. Dawn huma affarijiet dinjin. Min jgħid li jista’ jikkontrollhom ma jafx x’inhu jgħid jew li qed jidħak bin-nies. Jew waħda jew l-oħra. Aħna ma nidħkux bin-nies. Li rrid nara jien f’dan il-Budget huwa li dawk li l-inqas jifilħu f’pajjiżna jkunu mwieżna bid-diversi affarijiet li se nkunu qegħdin nagħmlu sabiex huma ma jħossux dan l-impatt fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.”
Intant preżenti wkoll għad-diskussjoni tul dan il-programm kien hemm l-ekonomista Dr Stephanie Fabri, li saħqet fuq il-ħtieġa li l-pajjiż jgħaqqad l-isforzi għat-triq tal-irkupru.
Dr Fabri qalet, “Il-kunfidenza tan-nies hija kollox u l-perception li nagħtu hemm barra hija importanti ħafna u għalhekk huwa importanti li ningħaqdu bħala pajjiż biex issa nkunu attraenti għal aktar investiment u nagħtu dik il-perception ta’ x’verament aħna. Li aħna għandna pajjiż li fil-verità għeleb il-Covid-19 b’wiċċu mill-quddiem.”