Il-Budget għas-sena d-dieħla qed jiġġieled bis-serjetà l-isfida tat-tibdil fil-klima u anke qed jagħti ambjent aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin.
Dan intqal minn Ingram Bondin, il-President ta’ The Ramblers’ Association waqt intervista fuq il-bulletin tas-7:30pm ta’ ONE.
Bondin semma kif il-miżura li minn Ottubru tas-sena d-dieħla, it-trasport pubbliku se jkun b’xejn għal kulħadd hija intiża li ttaffi t-tniġġis.
Il-President ta’ The Ramblers’ Association laqa’ ż-żieda taż-żoni ta’ fejn tista’ tiċċarġja l-karozzi elettriċi u anke ż-żieda ta’ €3,000 għal dawk li se jixtru karozzi elettriċi jew hybrid plug-in.
Din tal-aħħar se tkun l-ogħla għotja li qatt il-Gvern ta biex jinxtraw karozzi li jniġġsu inqas.
Ingram Bondin tkellem ukoll dwar iż-żona tal-Inwadar fin-naħa t’isfel ta’ pajjiżna, fejn huwa qal kif il-proġett pjanat biex isir masġar ikbar mill-Busket huwa ta’ ġid kbir għall-ambjent ta’ pajjiżna.
Qal kif din se tkun żona importanti għar-residenti u anke għall-familji f’pajjiżna li se jkollhom pulmun aħdar fin-naħa t’isfel.