Il-Budget li jmiss huwa parti mill-pjan tal-Gvern għal futur sostenibbli. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza sala ppakjata bin-nies fis-sala taċ-ċentru Laburista ta’ Ħal-Għaxaq.
Hawnhekk, il-Prim Ministru sostna li sabiex ikompli jigarantixxi is-serħan tal-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi, l-Gvern irid ikun bil-għaqal u jħares fit-tul.
Il-Prim Ministru“Jista’ jkun li jkun hemm min jgħid, għax ma tajtnix aktar? Hawnhekk tidħol kelma li fil-fehma tiegħi hija fundamentali għall-futur. Dwar kif aħna qegħdin naħdmu għal li ġej. Din mhix a flash in a pan kif jgħidu l-ingliżi, din mhux tal-mument din hija xi ħaġa fit-tul u dik hija l-kelma sostenibbiltà.”
Huwa ta’ eżempju konkret tal-ħidma tal-Gvern tul dawn l-aħħar snin sa mill-ewwel leġistatura tiegħu.
“Sibna siġra, illi kienet qiegħda titbiel, kellna niżbruha lil din is-sirġa, kellna nieħdu ħsiebha. L-ewwel frott ma qtajnihx mal-ewwel għax għedna li jrid ikompli jsir u il-frott li qed isir ma naqbdux u noħduh kollu mal-ewwel u nieħdu biċċa biċċa u nqassmuh. u ma qassamnihx lil kulħadd l-istess le, nagħtu l-aktar lil min għandu bżonn.
B’konvinzjoni l-Prim Ministru qal ukoll li apparti li se jerġa’ jkollna budget li m’hu se jieħu xejn mingħand ħadd se jkun qed jaħseb ukoll għall-esiġenzi tal-futur.
“Dak li qegħdin nagħmlu, dik li tfisser ssotenibbiltà, illi dak li niġbru llum, dik il-frott li niġbru llum inkunu bravi biżejjed biex inqassmu parti minnu u nżommu parti oħra u nerfgħu għal meta niġu bżonn”, qal il-Prim Ministru, Joseph Muscat.
Din il-mentalità hija differenti ferm minn kif kien jaħdem Gvern Nazzjonalista li ħalla legat ta’ kontijiet tad-dawl fost l-ogħla fl-Ewropa, qagħad dejjem jiżdied, infrastruttura antika u l-ekonomija tal-pajjiż b’defiċit.
“Kif kienu jagħmlu taħt il-Gvern l-ieħor. X’kienu jgħidu in-nies taħt il-Gvern l-ieħor? Wegħedtuna mod u għamiltu mod ieħor. Wegħeduna d-debba u qabbiżtuna l-ħmara. Aħna dan il-Gvern dak li nwiegħdu nwettquh kollu kemm hu”, temm jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat.