“Dan ser ikun budget li jagħti sinjal ċar tal-prosperità l-ġdida li dan il-Gvern irid joħloq”.
Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif ħabbar li l-Gvern ser ikun qed iressaq il-Budget għas-sena d-dieħla fil-11 ta’ Ottubru.
Waqt intervista fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru spjega kif dan ser ikun budget li jagħti sinjal ċar tal-prosperità l-ġdida li l-Gvern irid joħloq filwaqt li jintroduċi l-istrateġiji varji li ġew imfassla mill-Gvern.
Fl-intervista l-Prim Ministru Robert Abela qal kif it-tkabbir ekonomiku fit-tieni kwart tas-sena ta’ 13.4% huwa indikatur pożittiv li pajjiżna qed ikun reżiljenti hekk kif inhu ħiereġ minn pandemija.
Stqarr kif dan is-suċċess ġie minħabba li Gvern Laburista ħa ħsieb sew il-finanzi pubbliċi u l-ekonomija.
Qal kif quddiem l-isfidi l-Gvern baqa’ kalm u qatt ma’ qagħad lura mili jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Huwa innota madankollu kif is-suċċess huwa frott il-ħidma kollettiva tal-Maltin u l-Għawdxin.
Innota wkoll kif pajjiżna kważi laħaq il-livell ta’ ġid nazzjonali ta’ qabel il-pandemija, dak fl-2019.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal kif tul il-pandemija l-Gvern qatt ma’ ħalla lin-nies waħidhom.
Stqarr li dan qed iwassal ukoll għall-fiduċja kbira li n-nies għandhom fil-Gvern.
Spjega kif qabel meta tfaqqa’ kriżi ekonomika, min jinvesti fil-pajjiż kien joqgħod lura u jagħmel żmien wara li jibqa’ mhux attiv.
Din rajniha fil-kriżi ekonomika tal-2008.
Dr Abela spjega kif filwaqt li l-paraguni huma odjużi illum għandna sitwazzjoni differenti ħafna, fejn f’sena li fiha għaddejjin minn pandemija, l-livell ta’ investiment saħansitra qabeż b’20% dak ta’ qabel il-pandemija, fl-2019.
Spjega kif dan huwa minħabba l-fiduċja li hemm f’pajjiżna u d-deċiżjonijiet li ttieħdu bħala Tim Malta mill-Gvern, mill-investituri u min-negozji flimkien.
Stqarr li fil-mument li l-Gvern ma jieħux id-deċiżjonijiet meħtieġa hemm ikollna staġnar.
Qal kif il-prijorità ser tibqa’ li l-Gvern jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess ta’ pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Prim Ministru spjega kif madankollu dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu b’id waħda fuq il-polz tan-nies.
Qal li xogħol il-Gvern huwa li jarmonizza l-interessi differenti tan-nies sabiex tinħoloq armonija bejniethom.
B’hekk jinħoloq il-ġid u l-Gvern iqassmu b’mod ekwu bejn kulħadd.
Dwar il-fatt li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, stqarr li fi żmien pandemija din mhux kumbinazzjoni.
Qal kif dan qed isir fi sfond fejn madwar l-Ewropa hemm rata ta’ qgħad li dejjem qed tiżdied.
Hawnhekk huwa elenka n-numru ta’ għajnuniet li fi żmien pandemija l-Gvern ta biex ikun ta’ forċina għan-nies f’dan iż-żmien ta’ sfida.
Hawnhekk innota kif għall-istess Partit li kien ħalla lin-nies waħidhom fl-2008, din l-għajnuna fi żmien pandemija sejħilha tberbiq.
Dan filwaqt li għal Gvern dan kien investiment fin-nies sabiex ħadd ma jitħalla waħdu.
Stqarr li l-kelma li uża Bernard Grech ‘tberbiq’ meta jitkellem dwar il-Wage Supplement u miżuri oħra ta’ għajnuna, il-Prim Ministru stqarr kif din turi li l-politika tal-Oppożizzjoni hija tal-awsterità.
“Għall-Kap tal-Oppożizzjoni anki l-ħlas tat-taxxa huwa tberbiq”, innota l-Mexxej Laburista.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif fil-pandemija l-impenn tal-Gvern kien li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, dan l-impenn inbidel f’wieħed li li jipproteġi s-saħħa tan-nies.
Qal kif illum ir-realtà turi kif pajjiżna għandu mal-400,000 persuna li huma kompletament mlaqqma fi żmien tmien xhur.
Qal kif kull darba li l-Gvern ħa d-deċiżjonijiet fuq is-saħħa, qatt ma ħa pass lura u dejjem ra li pajjiżna jkun imħejji bl-aħjar mod.
Dwar l-investiment infrastrutturali qawwi li għaddej f’pajjiżna l-Prim Ministru qal li dan l-investiment jibqa’ importanti u jrid jimxi id f’id mat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.
Qal li l-Partit Nazzjonalista ħareġ joħodha qatta’ bla ħabel kontra l-proġett tas-Central Link.
Qal kif din kienet mera tal-politika tal-Oppożizzjoni li ma tħarisx fit-tul u fl-interess tal-pajjiż.
Spjega kif illum, hekk kif 90% tal-proġett huwa lest, ħafna mill-biżgħat li kienu qamu fil-bidu meta ġiet imnedija l-idea tal-proġett, illum ma mmaterjalizzawx.
Dan filwaqt li nnota kif il-vantaġġi ta’ dan il-proġett ser ikunu t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet minħabba t-tnaqqis drastiku fit-traffiku.