Fis-seba’ snin li ġejjin, il-gżira Għawdxija se tibbenefika minn madwar mitt miljun ewro oħra f’fondi Ewropej li se jiġu investiti f’Għawdex.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru.
Meta kien qed jitkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex, il-Ministru semma l-proġetti infrastrutturali kbar li saru u li qed isiru biex itejbu l-konnettività f’Għawdex.
Fost l-oħrajn, din is-sena, ingħata xejn inqas minn ħamsa u tmenin elf metru kwadru ta’ tarmak madwar Għawdex, ekwivalenti għal żieda rekord ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija fuq is-sena li għaddiet.
Qal ukoll li l-Gvern irid li Għawdex ikompli jkun mutur ewlieni għall-ekonomija u dan l-għan se jintlaħaq bil-proposti u miżuri msemmija fil-budget għas-sena d-dieħla għall-gżira Għawdxija.
“L-Oppożizzjoni qalet li dan il-Gvern għamel kollox ħażin fejn għandu x’jaqsam Għawdex, però rrid infakkarhom l,i elezzjoni wara oħra, l-Għawdxin, b’mod ġust, għażlu lil dan il-Gvern għaliex ma’ dan il-Gvern jafu fejn qegħdin.”
Fil-Parlament dwar Għawdex, tkellem ukoll il-Ministru Anton Refalo, li semma n-nuqqas ta’ viżjoni mill-Partit Nazzjonalista għall-gżira tat-tliet għoljiet, b’kuntrast ma’ Gvern Laburista, li wettaq u qed iwettaq diversi proġetti biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.
“Jekk tiġri traġedja u l-poplu Għawdxi jafdakom biex terġgħu tmexxu lil Għawdex, semmejtu xi miżura waħda li biha intom se ġġibu ’l quddiem lill-gżira Għawdxija?”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, iddeskriva lill-gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela bħala nifs ġdid għal Għawdex, li għandu l-fiduċja li jwettaq mill-kredibilità li kiseb fl-aħħar snin.
Bħala Ministru Għawdxi responsabbli minn qasam ta’ nies vulnerabbli fis-soċjetà, il-Ministru Abela qal li l-anzjani Għawdxin se jkomplu jgawdu mal-gvern Laburista.
“In-numru vast ta’ servizzi li diġà joffri l-Ministeru għal Għawdex lill-anzjani se jkompli jissaħħaħ b’kooperazzjoni sħiħa magħna sabiex għal darb oħra, l-anzjani f’Għawdex ikunu jistgħu jibqgħu jħarsu lejn futur dejjem aħjar.”
Id-deputat Laburista Għawdxija Abigail Camilleri nnutat kif,staħt it-tmexxija ta’ Gvern Laburrista, Għawdex sar ikun mimli attivitajiet matul is-sena kollha.
Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex bosta Maltin u turisti saru jagħżlu lil Għawdex bħala destinazzjoni għall-btala tagħhom.
“Qed nara Gvern Laburista kommess li jibqa’ jpoġġi lil Għawdex bħala prijorità, li jkompli jsaħħaħ lil din il-gżira bħala mutur ekonomiku billi jkompli jinċentiva kemm lin-negozji kif ukoll lit-turiżmu.”