Il-Budget għas-sena d-dieħla se jipprovdi għall-bidu ta’ investimenti ambjentali massiċċi f’pajjiżna. Ewlieni fosthom huwa waħda mill-miżuri ewlenin tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Dan l-investiment ta’ €700 miljun se jkun mifrux fuq medda ta’ seba’ snin u se jkun jikkonsisti fi proġetti li se jwasslu għal aktar ġonna, proġetti ta’ tħaddir urban, u aktar spazji miftuħa li jistgħu jitgawdew mill-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Budget għas-sena d-dieħla qed jipprovdi għat-twaqqif ta’ aġenzija ġdida sabiex tikkordina l-implimentazzjoni ta’ dan l-investiment massiċċ. Fost l-oħrajn, l-ewwel fażi ta’ din l-aġenzija se tara t-tnedija ta’ numru ta’ proġetti f’diversi lokalitajiet fosthom Bormla, Birżebbuġa, il-Ħamrun, il-Marsa, is-Siġġiewi, u San Ġwann.
Għas-sena d-dieħla se jiġu allokati €13-il miljun oħra għall-proġett tal-Park Nazzjonali f’Ta Qali. Fih sa issa diġà sar xogħol estensiv filwaqt li kompla l-iżvilupp ta’ spazju għall-kunċerti fuq art li sa ftit ilu kienet fabbrika tal-konkos. Sal-aħħar ta’ din is-sena, in-nefqa totali fuq dan il-proġett mistennija tkun ta’ ftit inqas minn €37 miljun ewro.
Il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, ħabbar ukoll li matul is-sena li ġejja se jitnieda programm ta’ investiment fi ‘green urban areas’, kemm b’fondi nazzjonali kif ukoll permezz ta’ fondi Ewropej. Se jiġu investiti wkoll fit-tisħiħ tal-biodiversità b’investiment f’zoni tan-Natura 2000 kif ukoll Żoni Marittimi Protetti.