“Il-Budget imħabbar huwa għal-lum u għall-futur.”
Dan kien kliem il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet, mumenti wara li l-Ministru għall-Finanzi temm iħabbar il-miżuri tal-Budget għas-sena d-dieħla li se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin.
Bid-deputati tal-Gvern u persuni ġejjin minn kull qasam tal-ħajja warajh, il-Prim Ministru qal li dak li tħabbar fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija jindirizza l-isfidi ta’ bħalissa.
F’diskors ottimist, Dr Abela qal li l-Budget jaħseb għall-futur għax jagħti ċertezza u stabbiltà lin-negozji u lill-familji, speċjalment għax se jagħti serħan il-moħħ bl-għajnuna kbira li joffri fil-qasam tal-enerġija.
“Iċ-ċertezza u l-istabbiltà li qed nagħtu llum se tħalli lill-familji u lin-negozji tagħna jippjanaw il-ġejjieni tagħhom b’serħan il-moħħ.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru saħaq li l-Budget 2023 huwa mimli miżuri ġodda u oħrajn innovattivi mill-manifest ‘Malta Flimkien’, li l-poplu ta mandat b’saħħtu fuqu f’Marzu li għadda.
Robert Abela rrimarka li dan huwa l-ewwel Budget minn ħamsa biex jitwettaq il-pjan li l-Gvern għandu għal pajjiżna.
“Illum erġajna wrejna li aħna konna, għadna, u se nibqgħu forza progressiva li għandha ruħ soċjali. Għalhekk, budget wara l-ieħor, inwarrbu fil-ġenb l-awsterità u nżidu s-sostenn tagħna lin-nies. Illum ħabbarna budget bl-akbar investiment rikurrenti fl-edukazzjoni, fis-saħħa, u fil-politika soċjali.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fid-diskors li anke ffoka fuq il-ġejjieni tal-Maltin u l-Għawdxin, Dr Abela saħaq kif il-Budget għas-sena li ġejja għandu l-akbar programm ta’ nefqa kapitali fl-istorja, li tqarreb il-biljun ewro.
“Fl-aħħar ġimgħat, sfortunatament, kien hemm min ipprova jbeżża’ billi jgħid li ġej l-issikkar taċ-ċintorin. Minflok, illejla ħabbarna budget bl-akbar programm ta’ nefqa kapitali fl-istorja: disa’ mija u għoxrin miljun ewro. Investiment f’ċentri tas-saħħa ġodda, fi skejjel moderni, f’tisbiħ u tkabbir ta’ ġonna u parks nazzjonali, u fi proġetti li se jgħinu fid-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni ta’ pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Bil-Berġa ta’ Kastilja fl-isfond, Dr Abela ta eżempju ta’ koppja anzjana bil-pensjoni minima, li bil-miżuri introdotti, se jkollhom żieda ta’ kważi €1,100 fis-sena fid-dħul tagħhom.
Huwa semma diversi miżuri li se jiġu sostnuti f’kuntest tat-tkabbir ekonomiku li pajjiżna mistenni jesperjenza frott il-fiduċja minn barra u anki mid-domanda domestika.
Dan b’differenza għal dak li qed jesperjenzaw pajjiżi oħra.
“Hemm pajjiżi Ewropej bħalna, Stati membri tal-Unjoni Ewropea, li bħalissa qegħdin jiddiskutu jekk għandhomx biżżejjed enerġija biex jgħaddu x-xitwa jew jekk ikollomx jitfu s-swiċċ u jaqtgħu l-provvista. Aħna hawnhekk qed nagħtu garanzija ta’ stabbiltà, kemm għall-prezz kif ukoll għal dik li hija provvista. Dik hija d-differenza ta’ min iħaddan il-politika tal-awsterità għal min iħaddan politika progressiva ekonomika ta’ investiment.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li quddiem riformi u l-akbar investiment ambjentali fl-istorja, il-Gvern għandu prijoritajiet ċari b’enfasi fuq il-ġustizzja soċjali u kwalità ta’ ħajja aħjar.