F’konferenza minn sensiela li qegħdin isiru dwar il-Budget bit-tema “Malta li rridu għal uliedna”, il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana saħaq fuq il-messaġġ tal-istess Budget u wassal rimarki dwar il-kritika tal-Oppożizzjoni.
Il-Ministru qal li dan il-Gvern għamel ħiltu kollha biex irnexxielu jsalva s-suq tax-xogħol f’pajjiżna waqt pandemija u fakkar kif miżuri li ħaddieħor irrefera għalihom bħala ħela u tberbiq, kienu kruċjali biex issalvagwardjaw eluf ta’ impjiegi.
B’din is-sitwazzjoni kien possibbli li jsiru diversi miżuri soċjali, fosthom żieda fil-pensjonijiet u tnaqqis tat-taxxa fuq il-part-time u l-overtime.
Il-Ministru Caruana qal li dan kollu sar għaliex il-Gvern għandu qasam tax-xogħol b’saħħtu li se jagħti biżżejjed riżorsi għas-snin li ġejjin biex anki jintlaħqu ċertu miri lokali u Ewropej.
Hawnhekk semma l-kritika tal-Oppożizzjoni fuq dawn il-miri, u rrimarka kif il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel sensiela ta’ wegħdiet fejn beda jwiegħed kollox lil kulħadd.
Il-Ministru qal li għal kull miżura mħabbra fil-Budget ingħad kemm se tiswa u kemm se jgawdu nies minnha. Dan għall-kuntrarju tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li la qal kemm se jgawdu nies mill-miżuri li ppropona u lanqas kemm se tkun l-ispiża ta’ dan kollu.
Huwa sostna: “Trid tkun ironika li tikkritika lil ħaddieħor fuq jekk dak li ppreżentajt jien hux sostenibbli jew le meta fil-proposti li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni, fl-ebda ħin ma rrimarka kemm se jiswew lill-pajjiż dawn l-affarijiet.”
Il-Ministru qal li s-suċċess tal-Gvern f’diversi oqsma kien possibbli għax f’dawn l-aħħar tmien snin, is-suq tax-xogħol kiber bla preċedent.
Il-Ministru qal li dan il-budget iwitti t-triq għall-qabża li trid issir fil-ħiliet tal-ħaddiema biex anki jiżdiedu l-pagi: “Dan il-Budget huwa l-bidu għal din il-qabża li rridu nagħmlu u dan il-Gvern qiegħed ipoġġi l-flus fejn hemm bżonn sabiex nassiguraw li dak li jixtiequ l-Maltin u l-Għawdxin, jiġifieri livell ta’ għajxien aħjar billi jitjiebu l-pagi, iva, min-naħa tagħna se nkunu qegħdin nagħmluh mis-sena d-dieħla ħalli b’hekk nassiguraw li l-aspettattivi tal-Maltin u l-Għawdxin, dan il-Gvern ikompli jilħaqhom fis-snin li ġejjin.”