It-Tlieta waranofsinhar fl-aħħar seduta Parlamentari għal din is-sena, il-Parlament Malti għadda l-Budget.
Il-vot tal-Budget għadda bis-saħħa tal-Gvern, bl-Oppożizzjoni vvutat kontra l-Budget imfisser mill-imsieħba soċjali bħala wieħed soċjali u ambjentali.
Fil-Parlament il-Budget għadda b’36 vot favur u 27 vot kontra.
Wara l-approvazzjoni tal-Budget, il-Prim Ministru Robert Abela esprima s-sodisfazzjon tiegħu fuq il-paġna tiegħu fuq facebook.
Saħaq li dan il-Budget huwa pjan ekonomiku li hu approvat minn entitajiet internazzjonali bħal ma hi l-Kummissjoni Ewropea.
Intant fost oħrajn, meta l-Parlament kien fi stadju ta’ Kumitat ta’ provvista, il-Kap tal-Oppożizzjoni qam jgħid li se jivvota anki kontra l-vot għall-estimi tal-Ministeru għas-Saħħa.
Hawn qam iwieġbu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li fisser il-vot tal-Oppożizzjoni bħala wieħed vot kontra li jkollna iżjed infermiera u tobba u mediċini.
Qal, “Il-Kap tal-Oppożizzjoni llum qiegħed jitlobna biex nivvutaw kontra l-vot tas-saħħa għas-sena li ġejja. Qatt ma kien hawn dikjarazzjoni rresponsabbli f’din il-Kamra minn kemm ilni membru tagħha.”
Il-Budget li ressaq il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana għas-sena d-dieħla fih diversi miżuri li jgħinu lill-familji, dawk vulnerabbli u anki b’inċentivi favur l-użu t’enerġija nadifa u xiri ta’ vetturi hybrid u elettriċi li jniġġsu inqas.
Fil-Budget fost oħrajn ingħatat żieda oħra lill-pensjonanti, lill-istudenti fl-istipendji u se titnaqqas it-taxxa fuq xogħol part-time u fuq l-over-time.
Miżura oħra importanti tal-Budget hija li ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa issa se jitla’ għal €140.
Fuq il-Budget, il-Gvern kien qal li bih irid juri li din hi Malta li rridu għal uliedna filwaqt li l-Oppożizzjoni kritikat il-miżuri u Bernard Grech fisser dak imsemmi bħala ħela u tberbiq.