Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li l-Budget imressaq mill-Gvern Malti għas-sena d-dieħla huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew.
Il-Budget 2023, imħabbar fl-24 ta’ Ottubru li għadda mill-Ministru għall-Finanzi u Xogħol Clyde Caruana fil-Parlament, huwa miżgħud b’miżuri li se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Miżura ewlenija, u li ġie innutata fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, hija dik li se ttaffi mill-isfida internazzjonali fis-settur tal-enerġija, hekk kif il-Gvern se jinvesti aktar minn €600 miljun ewro sabiex jibqa’ jkun ta’ spalla għall-familji u negozji Maltin u Għawdxin.
L-esperti tekniċi tal-Kummissjoni Ewropea għamlu referenza wkoll għat-tkabbir ekonomiku li se tirreġistra Malta s-sena d-dieħla, filwaqt li nnutat ukoll l-impenn tal-Gvern fil-qasam diġitali u ambjentali.
Intant, f’seduta Parlamentari nhar it-Tnejn li ġej, il-Parlament mistenni jivvota fuq il-Budget 2023.