Il-budget fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali taħt dan il-Gvern żdied b’200% meta mqabbel mal-Budget tal-gvern Nazzjonalista għal dan is-settur.
Dan intqal mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li jmexxi.
“Il-budget tal-Awtorità dak iż-żmien kien ta’ €2.5 miljun. Illum €43 miljun, jiġifieri l-qabża mhux qabża żgħira – kien hemm żieda ta’ 200%, mhux ċajta.”
Huwa semma li l-Awtorità tad-Djar ingħatat aktar responsabbiltà, speċjalment bir-riforma fil-liġi tal-kera għal postijiet mikrija qabel l-1995.
Roderick Galdes qal li fl-aħħar snin kien hemm aktar minn elf u sitt mitt persuna li tneħħew mil-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali.
Semma li għaddej ġmielu x-xogħol fuq postijiet ġodda, fosthom fl-Imsida.
Dwar dawn l-estimi tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett, wara li ġimgħat ilu deputati tal-Oppożizzjoni attakawh għax jgħix fil-kera.
Huwa rrimarka li dan l-attakk fuqu juri li l-Oppożizzjoni għadha b’mentalità elitista.
“Reġgħet ħarġet il-mentalità elitista, Mr Speaker. Mentalità ta’ xi ħadd li ċarament jista’ jħossu superjuri għax sab is-sodda mifruxa, maqtugħ minn man-nies u ma jaffaċċjax il-problemi tagħhom u magħhom. Mentalità li lili ġġegġilni nistaqsi: jekk dawn lesti jżebilħu bis-sitwazzjonijiet ta’ dawn in-nies, allura x’qed jagħmlu bilqiegħda f’din il-Kamra, jekk għalihom dawn ir-realtajiet huma affarijiet taż-żufjett?”
Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield fakkar li dan is-settur beda jingħata importanza minn gvern Laburista wara l-gwerra. Huwa qal li r-ruħ soċjali tal-Gvern hija parti mil-legat tal-eks Prim Ministru, Karmenu Mifsud Bonnici.
“Bħala Gvern investejna ferm iktar fl-edukazzjoni, investejna ferm iktar fis-saħħa, u qed ninvestu fl-akbar ammont, anki fejn jidħol il-qasam tal-housing soċjali.”
Id-deputat Whip tal-Gvern, Naomi Cachia, osservat li l-Budget għas-sena d-dieħla qed ikompli jgħin liż-żgħażagħ li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, permezz ta’ għajnuna ta’ €10,000 f’għaxar snin.
“Bl-istess mod fl-ebda ħin ma smajt lil xi ħadd mill-kelliema tal-Oppożizzjoni jgħidilna li l-għajnuna li qed tingħata lill-first-time buyers hija wkoll bla preċedent.”
Id-Deputat Laburista Romilda Baldacchino Zarb qalet li f’dan is-settur il-Gvern se jkompli jagħti ċ-ċertezza u l-istabbilità, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent.
“Iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jistgħu jserrħu moħħhom li dan il-Gvern se jibqa’ joffri s-serħan il-moħħ, se jibqa’ joffri s-serħan il-moħħ, b’ċertezza u stabbilita li b’mod kontinwu se nkomplu nwasslu.”