Il-budget għas-sena d-dieħla jaċċerta li Malta ssaħħaħ il-qasam ambjentali tagħha b’numru ta’ miżuri, skemi u proġetti – fosthom fejn jidħol it-tħaddir ta’ diversi postijiet, it-trasport sostennibli u l-immaniġjar tal-iskart.
F’konferenza tal-Aħbarijiet fil-foss tal-Imdina, il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega kif pajjiżna se jkollu pjan ġdid għall-immaniġġjar tal-iskart sal-aħħar ta’ din is-sena, u għall-ewwel darba se tiġi indirizzata s-separazzjoni tal-iskart mis-settur kummerċjali.
Il-Ministru Farrugia stqarr,“Għall-ewwel darba se jkollna din l-istrateġija illi tmiss ukoll mal-iskart kummerċjali, iġifieri sal-lum il-familji jisseparaw (l-iskart) issa jmiss ukoll li nħarsu lejn l-iskart kummerċjali biex b’hekk fost ħames setturi oħra nkunu nistgħu nilħqu l-miri illi pajjiżna għandu quddiemu issa u fiż-żmien li ġej.”
Farrugia spjega li tħabbar investiment ta’ mitejn u għoxrin miljun ewro mill-Fond għar-Reżiljenza u Rkupru li ammont sostanzjali minnhom se jkun iddedikat għal tranżizzjoni ħadra.
Tenna li s-sena d-dieħla wkoll se tibda l-iskema tar-ritorn tal-kontenituri vojta tax-xorb u semma t-twaqqif tal-importazzjoni ta’ prodotti magħmulin minn plastik li jintuża darba mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla. Is-sena ta’ wara, se jieqaf il-bejgħ tal-istess prodotti.
Il-Ministru Farrugia semma l-investiment ta’ diversi miljuni biex jitħaddru aktar żoni pubbliċi u privati f’pajjiżna.
“Proġetti ta’ tħaddir fil-postijiet fejn ngħixu u fejn naħdmu u qed naraw ukoll vertical green walls fil-pajjiż, erbgħa. Qed naraw ukoll skema ġdida ta’ faċċati ħodor, iġifieri l-familji jkollhom iċ-ċans illi l-faċċata ta’ darhom titħaddar b’mod professjonali, imma qed naraw ukoll diversi proġetti illi jkomplu jaraw iż-żoni rurali tagħna jiħdaru, iġifieri afforestazzjoni mhux biss fil-postijiet pubbliċi imma wkoll se nniedu skema fejn anke postijiet privati jista’ jkollhom afforestazzjoni wkoll.” Sostna l-Ministru.
Fost miżuri oħra li tħabbru fil-budget hemm dawk li jittrattaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bħala parti minn pjan biex jitnaqqsu l-emmissjonijiet għal arja aħjar.
Intant, skemi eżistenti bħal dawk ta’ installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi u tagħmir ieħor se jiġu estiżi, filwaqt li se jiġu allokati mal-miljun u nofs ewro għall-iskrappjar ta’ vetturi, se jkun hemm tnaqqis fuq it-taxxa ta’ ċirkulazzjoni fuq ċertu muturi u tnaqqis ieħor ta’ taxxa fuq vetturi li jintużaw għal ftit ġranet biss.