Meta fil-Parlament il-Prim Ministru jwieġeb għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru saħaq li l-Budget 2020 għandu l-barka tal-Kummissjoni Ewropea.
Fid-diskors tat-tweġiba għad-diskors tal-Kap tal-Oppoġizzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr: “Il-Budget approvat mill-KE.”
Il-budget imressaq mill-Gvern għas-sena d-dieħla fih riċiklar pożittiv.
Dan qalu f’kuntest li għexieren ta’ miżuri li l-poplu issa dara li minn sena għall-oħra jiġġeddu biex aktar familji jibbenefikaw.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna: “Veru rriċiklajna. Tliet budgets bla taxxi, veru rriċiklajna għax f’kull wieħed tat-8 budget mhux ħadna iżda tajna lil familji u negozji…”
Dr. Muscat qal li d-daqs tal-ekonomija Maltija rduppjat f’dawn l-aħħar seba’ snin u laħqet l-€14-il biljun.
Spjega kif dan seħħ bl-għaqal u l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u mhux b’xi fortunata speċjali li laqtet lil gżiritna.
“Jgħidulna li Gvern iffortunat. Jiena ma nafx kemm jien iffortunat iżda int beżżul żgur inzertajt b’tlett kwarti ta’ madwarek kontrik”, tenna l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ġab fix-xejn il-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni li skont hu l-Gvern ma ta xejn lin-nisa.
“Ma fehem xejn dwar ugwaljanza. Qisu trid tagħmel xi sezzjoni għalihom għan-nisa. Il-budget kollu hu għan-nisa daqs kemm hu għall-irġiel għax ugwali. Mit-tnaqqis fit-taxxi għal għajnuna għal first time buyers, żidiet fil-pensjonijiet”, qal l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru semma li l-ħaddiema barranin ma żdiedux issa iżda mad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea sal-elfejn u tnax dawn kibru bi kważi erba’ darbiet aktar.
Qal li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema barranin f’Malta ġejjin mill-Unjoni Ewropea: “Adrian Delia jbeżża’ li l-barranin qed jieħdu x-xogħol tal-Maltin u l-Għawdxin b#diskors b’lemħiet xenofobiċi tal-aħna kontra huma, meta aħna flimkien. Jew issa m’għadniex favur l-Unjoni Ewropea u l-Ingliżi issa jafu sewwa li l-moviment ħieles ma tistax tneħħih.”
B’ton sod, il-Prim Ministru ddistakka ruħu mid-diskors b’lemħiet xenofobiċi ta’ Delia u filwaqt li indirizza t-tħassib ġenwin tan-nies, saħaq li l-liġijiet qegħdin hemm għal kulħadd u l-passi neċċessarji jittieħdu bla ebda riżerva.
“Forsi mhux popolari llum iżda rridu nevitaw l-iżbalji ta’ pajjiżi oħra. Kieku jistgħu jintbagħtu lura min ħoloq l-inkwiet jintbagħtu”, tenna l-Prim Ministru.
Fuq kollox il-Prim Ministru saħaq li l-poplu jafda lil dan il-Gvern li lest isolvi l-isfidi ġodda li jinħolqu għaliex il-poplu jaf li dan huwa l-Gvern li dejjem żamm kelmtu dwar il-ħolqien tal-ġid.