Il-Brigadier Jeffrey Curmi nħatar Kap Eżekuttiv tat-Transport Malta fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, b’effett minn nhar it-Tnejn li ġej.
Il-Brigadier Curmi għamel karriera twila fil-militar. Huwa kien ilu jservi lill-Forzi Armati ta’ Malta mill-1994. Curmi nħatar Kap Kmandant tal-FAM f’Diċembru tal-2013 u serva sa Ġunju 2022.
Mill-2013 ’l hawn huwa kien membru tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea bħala Kap tad-Difiża ta’ Malta.
Jeffrey Curmi għandu Baċellarat fix-Xjenzi (Physics) mill-Open University (UK) u Masters fix-Xjenzi mill-Università ta’ Leicester (UK). Hu gradwat mir-Royal Military Academy ta’ Sandhurst, fir-Renju Unit. Minn Sandhurst huwa ngħata The Cane of Honour wara li ġie ppremjat bħala l-aqwa student internazzjonali mill-kors.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, irringrazzja lil Joseph Bugeja għas-servizz tiegħu fl-aħħar snin fl-irwol ta’ Chairman Eżekuttiv tat-Transport Malta.
Intant, f’messaġġ fuq il-Facebook, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, sellem lil Curmi filwaqt li rringrazzjah tax-xogħol għamel tul il-karriera twila fi ħdan il-Forzi Armati.