Il-proġett tal-breakwater fiż-żona tal-Qrejten f’Marsaxlokk mistenni jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena hekk kif issa tlesta l-pedament u se jibda l-bini tal-istruttura tal-breakwater.
Il-proġett iwieġeb għal talbiet li ilhom isiru mis-sajjieda Xlukkajri biex il-port jiġi aktar kenni u jonqos ir-riskju ta’ ħsara lill-bastimenti meta l-baħar ikun irid jibla’ l-art.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol mill-Ministri Ian Borg u Anton Refalo intqal li se jiġi jitpoġġa wkoll fanal tal-port ta’ seba’ metri fit-tarf sabiex jgħarraf lill-baħħara li ġejjin, bil-preżenza tiegħu.
Il-breakwater b’tul ta’ 110 metri se jgħin ukoll kontra l-qilla tal-baħar fuq il-binjiet u n-negozji matul ix-xatt.
Il-perit tal-proġett Elaine Farrugia spjegat li l-istruttura se jkollha ġebel simili għal dak tal-port tal-Imġarr f’Għawdex.
Hija spjegat: “Issa x-xogħol ta’ taħt il-baħar huwa kollu lest u bħalissa għaddejjin fil-fażi fejn qed norbtu l-ħadid li ħa jkun qed jifforma siegħa l-wiċċ tal-breakwater kif ukoll ħajt ta’ madwar żewġ metri u nofs għoli li jservi ta’ lqugħ biex miegħu jitpoġġa blat kbir forma ta’ rampa biex jitkisser is-saħħa tal-mewġ miegħu.”
Ix-xogħol fuq dan il-proġett skatta f’Lulju tas-sena li għaddiet.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg sostna li b’dan il-proġett se jgawdu s-sajjieda ta’ lokalitajiet oħra fosthom dawk tal-inħawi ta’ Delimara.
Il-Ministru Borg qal: “L-investimenti li tkellimna fuqhom illum ivarjaw u ser ikunu qed itejbu l-infrastruttura marittima biex dejjem inkunu iktar kompetitivi bħala pajjiż u ngħinu lil diversi ħaddiema li jaħdmu fl-oqsma rispettivi tagħhom.”
Intant il-Ministru responsabbli mill-qasam tas-sajd Anton Refalo tenna kif is-sajd huwa l-għajxien ta’ ħafna familji u dan il-proġett ser ikun ir-ruħ li jkompli jgħin lil bosta sajjieda f’ħidmiethom.
Il-Ministru Refalo sostna: “Mhux biss lis-sajjied inpoġġuh fiċ-ċentru ta’ dak li nagħmlu, mhux biss ntejbu l-kwalita tal-ħajja tal-familja u tas-sajjied imma wkoll naraw li aħna nagħtuh l-għodod u l-infrastruttura sabiex is-sajjied ikollu l-kenn sabiex is-sajjied ikun jista’ jimmanuvra bl-opri tal-baħar tiegħu sabiex il-ħajja tiegħu tkun felici u anke jimxi ‘l quddiem.”