Odebrecht, il-famuża kumpanija Brażiljana li spiċċat fl-aħbarijiet ta’ pajjiżna fil-kampanja elettorali tal-2013, reġgħet qed tiddomina l-aħbarijiet. U għal darb’oħra għar-raġunijiet il-ħżiena. Il-kumpanija hija parti mill-iskandlu ta’ Petrobras li heżżeż il-politika Brażiljana tant li spiċċa inbidel il-President u fost l-ogħla uffiċjali tal-kumpanija spiċċaw il-ħabs.
Bħala parti mill-investigazzjonijiet li għaddejjin mid-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan jirriżulta li sa mill-2001 Odebrech u Braskem, kumpanija oħra, ħallsu $788 lill-uffiċjali u partiti politiċi. Sa issa kien stabbilit li għamlu dan fil-Brażil u ħdax-il pajjiż ieħor, ħafna mil-Latin America.
F’The Economist kien irraportat kif il-ħlas wassal biex dawn iż-żewġ kumpaniji ħadu xogħlijiet u daħlu f’pajjiżi fejn il-gvernijiet spiċċaw ħallsu iktar milli messhom. Jingħad li dan kollu sar bħala parti minn wieħed mill-ikbar skandli qatt investigati.
Il-kumpanija Odebrecht kienet spiċċat ħadet prominenza f’Malta għax waqt dibattitu bejn Lawrence Gonzi u Joseph Muscat, Gonzi kien ħareġ b’pompa jgħid li kien hemm kumpanija Brażiljana li se tirriloka f’Malta biex tikkordina x-xogħol fil-Libja.
Però l-kumpanija, li magħha kellha taħdidiet il-Malta Enterprise fi żmien it-tmexxija ta’ Alan Camilleri, qatt ma ħaddmet lil ħadd hawn u spiċċat bejn ċajta u waħda mill-iktar temi elettorali serji bejn l-aħħar tal-2012 u l-bidu tal-2013.
Dan għax dak iż-żmien kienet tefgħet dawl fuq kif kienu jsiru l-ftehimiet u jitħabbru l-proġetti li mbagħad ma jkunux ħallew il-frott. Biex issa sar magħruf iktar minn qatt qabel li l-kumpanija li ftaħar biha l-eks Prim Ministru mhux biss ma kienet impjegat lil ħadd iżda kienet ukoll waħda korrotta.