Dettalji ġodda qed jgħidu li persuni li ġew appuntati fl-investigazzjoni qalu li l-fatt li l-ajruplan ma splodiex meta ġġarraf hu kemmxejn suspettuż, fejn jista’ jkun li ma splodiex għax spiċċalu l-fjuwil.
Qed jiġi allegat li persuna li kienet abbord it-titjira u salvat qalet lill-awtoritajiet li l-ajruplan spiċċa mingħajr fjuwil qabel ma għamel l-inżul tiegħu fl-ajruport ta’ Jose Maria Cordova.
Din l-informazzjoni ħarġet wara allegazzjonijiet oħra li ħarġu fil-jiem ta’ wara t-tiġrif tal-ajruplan, fosthom li l-pilota qagħad idur apposta f’ċirku bl-ajruplan qabel għamel l-inżul biex jaħraq il-fjuwil li kien għad fadal jew biex jeħles mill-fjuwil sabiex jevita li ssir splużjoni waqt l-impatt.
Kmieni dagħlodu ntqal li l-goalkeeper tat-tim, wieħed minn tlieta li kienu parti mit-tim tal-futbol li salvaw, se titneħħilu sieq minħabba l-feriti li ġarrab waqt din it-traġedja.
Plejer ieħor bl-isem ta’ Ala Ruschel jinsab f’kundizzjoni kritika dan minħaba li sofra minn ksura fl-ispina ta daharu.
Plejer ieħor bl-isem ta’ Helio Zampier sofra minn diversi ġrieħi kawża tal-inċident li seħħ.
Intant eluf ta’ persuni fil-Brazil kantaw u talbu għall-vittmi li mietu kawża tat-tiġrif tal-ajruplan li fosthom kien hemm plejers u anke diriġenti tal-klabb tal-futbol Brażiljan Chapecoense.
Folla kbira imxiet miċ-ċentru tal-belt lejn l-istadium tal-futbol, u aktar tard segwiet quddiesa fil-katidral tal-istess belt.
It-tim tal-futbol kien fi triqtu lejn il-Kolumbja, f’logħba li kien qed titqies bħala l-ikbar waħda fl-istorja tagħhom, hekk kif kienu se jiffaċjaw lil Atletico Nacional fl-ewwel leg tal-finali tal-Copa Sudameriacana.
Sa ftit mumenti qabel iġġarraf l-ajruplan, fuq il-midja soċjali tpoġġew ukoll ritratti u filmati tal-plejers bi grinta kbira għal-logħba storika li kien se jkollhom. Mill-ewwel rapporti jirriżulta li l-ajruplan iġġarraf wara problemi tekniċi. Kienu biss sitta l-persuni li salvaw minn 77 persuna li kien hemm abbord.
Il-Brażil beda tlett ijiem ta’ luttu uffiċjali, b’numru kbir ta’ timijiet tal-futbol osservaw minuta silenzju qabel is-sessjonijiet tat-taħriġ u anke waqt il-logħob.