B’investiment ta’ €50 miljun, il-Bank of Valletta – b’kollaborazzjoni mal-Bank Malti għall-Iżvilupp – nieda l-iskema “SME Invest”, immirata lejn intrapriżi żgħar u medji li qed jippjanaw proġetti ġodda ta’ investiment kapitali.
Din l-iskema tipprovdi aċċess aktar faċli għall-finanzjament tal-SMEs permezz ta’ rekwiżiti mnaqqsa għall-garanziji u inqas spejjeż ta’ finanzjament.
L-intrapriżi jistgħu japplikaw għal finanzjament bankarju sa massimu ta’ seba’ mija u ħamsin elf ewro b’rata ta’ imgħaxx attraenti ta’ tlieta punt ħamsa fil-mija, tnejn fil-mija anqas mir-rata tas-suq.
“L-SMEs huma l-mutur tal-ekonomija. Iktar minn 95% tal-kumpaniji f’Malta huma SMEs allura inti naturalment l-iktar li trid tiffoka huwa fuq dawn li jipprovdu l-ikbar tkabbir fuq l-ekonomija ta’ Malta,” spjega Albert Frendo, iċ-chief business development officer tal-bank.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan huwa jum sinifikanti u importanti ħafna għal pajjiżna, hekk kif jixhed it-tkabbir tas-sistema bankarja ta’ pajjiżna.
Qal li llum qed jinqata’ l-frott ta’ idea li nibtet erba’ snin ilu, meta b’rieda politika u kapital, ftit xhur ilu twaqqaf il-Bank Malti għall-Iżvilupp b’mod li qed jaħseb għall-futur.
Hawnhekk irringrazzja lil bosta partijiet involuti – fosthom lill-Gvern Ġermaniż li pprovda għajnuna teknika – biex illum għandna dik li sejjaħ bħala “istituzzjoni b’saħħitha”.
Qal li dan l-investiment juri l-potenzjal kbir li joffri l-Bank Malti għall-Iżvilupp – li fi kliemu se jħalli legat qawwi fis-snin li ġejjin.
Il-Prim Ministru spjega li l-Bank Malti għall-Iżvilupp se jipprovdi garanzija ta’ għaxar miljun ewro, f’manifestazzjoni ċara tal-għan ewlieni tiegħu li jikkumplimenta l-banek kummerċjali u jaħdem fi sħubija mal-banek lokali biex jattira aktar investiment ġdid.
“B’injezzjoni ta’ għaxar miljun ewro, nistgħu naslu għal effett fuq l-ekonomija ta’ kważi mitt miljun ewro u kumpaniji speċjalment dawk żgħar ħa jkollhom aċċess għal rata ta’ imgħaxx aċċessibbli ħafna. Dan huwa l-ewwel wieħed minn dawn il-programmi mal-banek lokali u ridt inkun hawnhekk flimkien mal-Ministru tal-Finanzi biex nuru kif qed nibnu istituzzjonijiet f’pajjiżna li ħa jservu għall-futur,” saħaq il-Prim Ministru.
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li permezz ta’ din l-iskema, iż-żewġ banek rispettivi wrew li xogħol li jagħmluh banek kbar u internazzjonali, kapaċi jagħmluh banek Maltin.
Intant, l-intrapriżi żgħar u medji kollha huma eliġibbli li japplikaw, u jistgħu jagħmlu dan f’kull fergħa jew ċentru tan-negozju tal-Bank of Valletta.