Il-Bank of Valletta u l-General Workers Union iffirmaw ftehim kollettiv għal tliet snin li jkopri l-perjodu bejn l-2019 u l-2021. Il-ftehim ġie ffirmat minn Mario Mallia, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta u Charles Galea, Segretarju tat-Taqsima tal-Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU, fil-preżenza taċ-Chairman tal-BOV Deo Scerri.
‘Dan il-ftehim jibni fuq dak preċedenti, itejjeb il-pakkett ta’ rimunerazzjoni tal-impjegati filwaqt li jirrikonoxxi l-impenn, il-lealtà u s-servizzi tal-ħaddiema dedikati tal-Bank. Aktar importanti minn hekk, il-ftehim itejjeb il-miżuri attwali favur il-familja li jgħinu lill-impjegati jilħqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata’, qal il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Mario Mallia. ‘Il-ftehim kollettiv il-ġdid isaħħaħ aktar il-pożizzjoni tal-Bank bħala l-kumpanija li toffri l-aqwa impjiegi fis-settur u l-impenn tagħna li nrawmu u niżviluppaw il-ħiliet ta’ l-impjegati tagħna, filwaqt li fl-istess ħin nattiraw l-aħjar nies li jixtiequ karriera fis-servizzi finanzjarji. L-apprezzament tal-Bank lejn l-impjegati tiegħu se jkun rifless ukoll bl-introduzzjoni ta’ skema ta’ pensjoni fuq il-post tax-xogħol.’
‘Dan il-ftehim huwa riżultat ta’ diskussjonijiet rigorużi u professjonali bejn il-Bank u l-General Workers Union li saru matul dawn l-aħħar xhur, bil-Union taħdem mill-qrib mat-tim ta’ tmexxija tal-Bank biex jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi u flessibbli għall-Bank u għall-impjegati tiegħu’, kompla s-Sur Mallia.
‘Dan il-ftehim ġdid huwa effett ta’ żewġ partijiet li lesti jisimgħu lil xulxin għall-benefiċċju reċiproku tagħhom,’ qal Charles Galea. ‘Il-Union hija kburija li tirrappreżenta lill-Bank of Valletta, waħda mill-akbar istituzzjonijiet f’Malta b’forza tax-xogħol ta’ aktar minn 1,800 ħaddiem u ħaddiema. Il-ftehim jagħmel enfasi speċjali fuq l-avvanz tal-impjegati tal-Bank filwaqt li jipprovdi stabbiltà lill-ħaddiema. Ninsabu kunfidenti li dan il-ftehim se jgħin l-istrateġija tal-Bank lejn tkabbir iffukat, filwaqt li l-kundizzjonijiet imtejba jirriżultaw f’servizz aqwa lill-klijentela tal-Bank.’