Il-Bank of Valletta u l-APS Bank iddikjaraw li m’huma se jibdlu l-ebda termini u kundizzjonijiet fuq self għad-djar. Iż-żewġ banek qalu dan fl-istess jum li fih il-bank HSBC għolla r-rata tal-imgħax għas-self fuq id-djar u rdoppja s-somma minima li wieħed irid ikollu bil-quddiem biex ikun jista’ jissellef fuq l-ewwel dar.
Fi stqarrija, il-Bank of Valletta qal li jemmen fis-saħħa u s-sostenibbiltà tas-settur tal-proprjetà residenzjali f’Malta. Irrimarka li, turija ta’ dan huwa l-fatt li, fl-aħħar xhur, nieda portal diġitali għas-self għad-djar li l-għan ewlieni tiegħu huwa dak li jtejjeb is-servizz offrut lill-klijenti.
Filwaqt li qal li huwa jiffinanzja s-self tiegħu permezz ta’ bażi b’saħħitha ta’ depożiti u kapital, il-Bank wiegħed li, kif dejjem jagħmel, se jibqa’ jsegwi mill-qrib l-iżviluppi tas-settur tal-proprjetà residenzjali f’pajjiżna, il-movimenti fir-rati ta’ imgħax u r-riżorsi tiegħu, kif ukoll bidliet li jistgħu jseħħu fir-rekwiżiti regolatorji, meta jiġi biex ifassal kundizzjonijiet fuq self għad-djar u servizzi oħra.
Il-bank qal li dejjem se jżomm lill-klijenti tiegħu mgħarrfa skond il-ħtiġijiet minn żmien għal żmien.
Min-naħa tiegħu, kelliema għall-APS Bank qalet lil One News li s-suq tas-self għax-xiri tad-djar huwa ħafna għal qalb il-bank. Qalet li s-sitwazzjoni qed tevolvi u li l-bank se ibqa jżomm għajnejh fuq l-iżviluppi. Li hu ċert hu li l-bank se jibqa’ dejjem iżomm il-bżonnijiet u l-prijoritajiet tal-klijenti bħala element ċentrali fid-deċiżjonijiet kollha tiegħu.